Il-ġurnata tant mistennija waslet hekk kif miljuni ta’ Amerikani mistennija joħorġu jivvutaw sabiex jagħżlu lil min jippreferu miż-żewġ kandidati għall-elezzjoni presidenzjali – għażla li sa dawn l-aħħar ħinijiet għada waħda nċerta għall-aħħar.
Il-kandidat Demokratiku u viċi President tal-Istati Uniti Kamala Harris u r-Republikan eks President tal-Istati Uniti Donald Trump ilhom għal dawn l-aħħar xhur f’battlja li tibqa maqsuma fejn skont l-aħħar stħarriġ ilbieraħ hemm persentaġġ żgħir ta’ 1.2% favur Harris – marġini tant żgħir li jista’ jkun żbaljat.
Trump għalaq il-kampanja tiegħu b’diskors finali fi Grand Rapids Michigan, l-istat li kien irnexxielu jdawwar fl-2016 filwaqt li Harris, f’Pennsylvania l-istat li l-President Demokratiku uxxenti Joe Biden kien rebaħ b’1.2% fl-2020, ikkonkludiet li lesta biex ixxammar il-kmiem għax-xogħol jekk tiġi eletta.
Sadanittant, l-Ewropa u l-kumplament tad-dinja jinsabu anzjużi hekk kif ir-riżultat tal-votazzjoni jaf iwassal għall-protesti u battalji legali simili ta’ dawk li seħħew wara l-elezzjoni erba’ snin ilu.
Għada filgħodu, mis-6:30 ’l quddiem il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ One se tkun qed twasslilkom programm speċjali biex insegwu l-andament ta’ din l-elezzjoni bi preżentazzjoni ta’ Nolan Camilleri b’diversi mistiedna speċjali u servizzi relatati ma’ din u elezzjonijiet passati fl-Istati Uniti.