Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar produzzjoni dwar ir-‘Requiem’ ta’ Giuseppe Verdi, li se tittella’ s-Sibt 23 ta’ Novembru fis-7:30 ta’ filgħaxija f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Magħrufa għar-ritmi rigorużi, melodiji uniċi u mużika li tqanqal l-emozzjonijiet, ir-‘Requiem’ ta’ Verdi hi meqjusa bħala xogħol monumentali fir-repertorju sagru u korali.
Il-Ministru Bonnici faħħar din l-inizjattiva kulturali, għax se toffri esperjenza unika lill-pubbliku u tkompli tpoġġi lil Malta fuq il-mappa kulturali internazzjonali.
Din il-prestazzjoni se tittella’ grazzi għal kollaborazzjoni ma’ artisti stabbiliti u orkestra ta’ kalibru għoli, xhieda ta’ kemm il-pajjiż hu mpenjat li jinġiebu espressjonijiet artistiċi ta’ livell internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Catherine Tabone, stqarret li r-‘Requiem’ ta’ Verdi għandha post sinifikanti fil-kalendarju kulturali tal-Belt Valletta, li qed tara din il-kollaborazzjoni bejn solisti ta’ kalibru dinji, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, KorMalta u l-istess aġenzija.
Iċ-Chairperson tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Odette Vassallo, u d-Direttur Artistiku ta’ KorMalta, Riccardo Bianchi, ukoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-produzzjoni.
Żewġ korijiet, dak prestiġjuż tal-Accademia Nazionale di Santa Cecilia ta’ Ruma u KorMalta, se jingħaqdu mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u erba’ solisti, is-soprana Anna Pirozzi, il-mezzosopran Marvic Monreal, it-tenur Alan Sciberras u l-baxx-baritonu John Lundgren.
Kollox se jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast ta’ fama internazzjonali Pier Giorgio Morandi.
Il-biljetti jinkisbu minn fuq showshappening.com. Aktar tagħrif jinstab fuq is-sit jew il-paġni soċjali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.