“Li għandu bżonn dan il-pajjiż huwa Gvern Nazzjonalista.” Hekk spiċċa d-diskors tiegħu b’reazzjoni għall-Baġit 2025, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament, fejn kompla jagħti biss togħma dwar in-negattività tiegħu kontra l-aktar miżuri soċjali li qatt ingħataw fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan ftit sigħat biss wara li ġie żvelat dak li kellu jkun il-Pre-Budget Document tiegħu, iżda żammu mistur, minħabba li, kif qalulu internament, kien nieqes mis-sugu.
“Li għandu bżonn dan il-pajjiż huwa Gvern Nazzjonalista.”
B’messaġġi populisti tas-soltu, Bernard Grech qal li se jħabbar il-pjan tiegħu, iżda għamel aktar minn sagħtejn ta’ negattività, mingħajr ebda proposta, għax il-proposti sħabu stess qalulu li ‘this needs more work’.
Il-Kap Nazzjonalista attakka lill-Gvern u l-ħemel ta’ miżuri li ħabbar it-Tnejn li għadda u li, kif stqarrew l-imsieħba soċjali, se jgħollu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Fid-diskors ta’ Grech spikkaw ukoll l-attakki kontra l-Ministri u l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu.
“Għandna Gvern li jogħtor. Gvern li jċaqlaq il-lasta, Prim Ministru second hand. Idħak.”
Bl-istess narrattiva tas-soltu u sentejn bogħod mill-elezzjoni ġenerali, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħansitra sejjaħ l-akbar għajnuniet mill-Gvern bħala xiri ta’ voti.
Sadanittant, appena skada l-ħin allokat għad-diskors ta’ Grech, il-Gvern ta l-permess biex jiġi estiż il-ħin, ladarba, kif indikat mill-Whip tal-Gvern, dan kien biss diskors ta’ kwantità u mhux ta’ kwalità. Bernard Grech innifsu jagħtiha raġun.
Naomi Cachia: “Sur President peress li jidher li l-Kap tal-Pn qed jiffoka fuq il-kwantità milli l-kwalità hemm qbil li jiżdied id-diskors.
Bernard Grech: “Grazzi Sur President għandha raġun, għandha raġun il-Whip tan-naħa l-oħra.”
Id-diskors ta’ Grech, twil u bla sugu ta’ xejn, kien anke kkaratterizzat minn għajjat, umoriżmu u tixjir tal-idejn.
“Kważi kważi viżjonarju. Ma nafx int li qed tisma’ dħaktx jew bkjetx. Paroli si, fatti no.”