Konsegwenza tal-għargħar devastanti l-ġimgħa li għaddiet, bħalissa membri tas-salvataġġ fi Spanja qed jiffukaw it-tfittxija tagħhom għal nies neqsin f’garaxxijiet taħt l-art u f’parkeġġ ta’ bosta sulari f’Valencia.
Hemm il-biża li klijenti ta’ kumpless ta’ ħwienet f’Aldaia fil-periferija ta’ Valencia kif ukoll ħaddiema ta’ dan l-istabbiliment kummerċjali setgħu nqabdu fil-parkeġġ hekk kif l-ilma tal-għargħar ħakem iż-żona.
Il-pulizija kkonfermat li s’issa ma kien hemm l-ebda vittma fl-ewwel 50 vettura spezzjonata fuq il-post, iżda rapporti qed jindikaw li dawn il-vetturi kienu fid-daħla tal-parkeġġ fejn aktar il ġewwa għadu mgħerreq u għalhekk għadhom ma daħlux fih.
Dan hekk kif l-aġenzija meteoroloġika ta’ Spanja ħarġet alert aħmar għal parti mir-reġjun tal-Grigal ta’ Katalunja fejn mistennija xita torrenzjali u Barċellona dalgħodu diġa bdiet tesperjenza għargħar.
Il-midja Katalana wriet filmati ta’ karozzi parzjalment mgħaddsa fuq awtostrada u ilmijiet deħlin f’xarabank.
L-ilma daħal ukoll f’partijiet tal-ajruport El Prat inkluż fiż-żona pubblika ta’ Terminal 1. Aktar minn 80 titjira ġew ikkanċellati, ittardjati jew devjati filwaqt li s-servizzi tal-ferrovija ġew sospiżi.