Se noħolqu l-ewwel strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet. Dan intqal min-nominat Malti għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef, fid-diskors tiegħu quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej waqt is-smigħ tiegħu fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
F’sessjoni ta’ tliet sigħat, fil-maġġoranza tagħha mistoqsijiet minn Membri Parlamentari Ewropej minn gruppi politiċi differenti, Micallef wieġeb b’mod kalm għal kull mistoqsija li saret.
Fl-introduzzjoni tiegħu, Micallef sostna li ż-żgħażagħ se jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, jekk jintagħżel mill-MEPs.
Qal li, biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ relevanti, il-politika tagħha trid issir maż-żgħażagħ u semma li, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, hu joħloq Youth Advisory Forum, bil-għan li l-leħen tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jinstema’ kif jixraq.
Fid-diskors tiegħu, Glenn Micallef semma li l-Kummissjoni Ewropea trid taħdem biex tiġġieled il-faqar fost it-tfal, biex ħadd ma jibqa’ lura. Hawn semma li s-saħħa mentali fost it-tfal trid tkun protetta, b’mod speċjali online u se jitmexxa pjan fl-Unjoni Ewropea dwar is-cyberbullying.
Mistoqsi aktar dwar dan, hu sostna kif l-Unjoni Ewropea se taħdem mas-soċjetà ċivili biex tinkoraġġixxi kultura fejn vittmi jfittxu l-għajnuna.
Intqal ukoll li, mis-sena d-dieħla, kull proposta mill-Kummissjoni se tkun qed tara li din ma taffettawx b’mod negattiv liż-żgħażagħ. Semma wkoll li, fl-ewwel mitt jum tiegħu, bħala Kummissarju Ewropew se jara li jkollu djalogu maż-żgħażagħ dwar politika li verament tolqothom.
Tkellem ukoll dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, li toffri opportunitajiet ġodda, iżda wkoll toffri sfidi ġodda. Hawnhekk semma li hu se jaħdem biex tinħoloq strateġija dwar l-AI għall-industrija tal-kultura u l-kreattività. Dwar il-kultura sostna li din trid tiġi sostnuta u msaħħa, waqt li semma li toħloq l-impjiegi u l-opportunitajiet.
Mistoqsi dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, Micallef sostna li ż-żgħażagħ għandhom ikunu ċentrali f’dawn id-deċiżjonijiet.
Semma wkoll kif l-Unjoni Ewropea trid taħdem aktar dwar l-isport, hekk kif 45% tal-popolazzjoni Ewropea ma tagħmel l-ebda attività fiżika, waqt li bosta tfal qed iqattgħu iżjed ħin mal-mobile jew apparat teknoloġiku.
Mistoqsija minnhom lil Micallef kienet dwar jekk hux aċċettabbli li nisa transgender jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi. B’mod kalm u ċar, in-nominat Malti wieġeb li dik hi deċiżjoni tal-organizzazzjoni sportiva u tagħmel dan b’mod indipendenti. Minkejja dan, qal li l-isport hu għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru tal-persuna.
Ma’ din it-tweġiba, kien hemm ċapċipa mill-Membri Parlamentari Ewropej preżenti.
Dwar il-fondi Ewropej, Glenn Micallef saħaq li l-Kummissjoni trid tiżgura li l-fondi Ewropej imorru għal affarijiet li jibbenefikaw l-aktar liż-żgħażagħ. Issemma wkoll l-Erasmus, fejn sostna li dan hu proġett importanti fil-valuri tal-Unjoni Ewropea u dan irid ikompli jissaħħaħ.
Mistoqsi dwar il-portafoll assenjat, hu sostna li jaħdem ma’ bosta kollegi fil-Kummissjoni Ewropea u li ħerqan biex jaħdem fih. Hawnhekk hu semma kif fir-rwol li ġie nnominat fih se jaħdem biex jindirizza l-isfidi fis-saħħa kemm bil-kultura u anke bis-saħħa.
Wara li wieġeb għall-mistoqsijiet kollha, Micallef sostna li wara din is-sessjoni jista’ jifhem aħjar il-prijoritajiet tal-kumitat. Hawnhekk saħaq li kull sena se jkun qed jgħaddi r-riżultati li se jilħaq matul il-mandat tiegħu.
Qal, “Major challenges stand before us. Major challenges require bold responses, bold European responses. Conflict, inequality and climate change are now part of the political reality and have a direct impact on our life. Our approach to international fairness, youth, culture and sports is central to Europe’s responses to these challenges.”
Siegħa wara l-“grilling” saret laqgħa sigrieta bejn il-kordinaturi mill-gruppi politiċi biex jieħdu deċiżjoni dwar li dak wieġeb dwaru Glenn Micallef, waqt li d-deċiżjoni finali tkun magħrufa fil-21 ta’ Novembru, fi tmiem il-proċess tan-nominati kollha u ssir il-laqgħa bejn il-kumitati dwar ir-rakkomandazzjoni tagħhom.
Wara dan il-pass, fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fl-aħħar ta’ dan ix-xahar issir votazzjoni għall-Kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji Ewropej.
It-terminu tal-Kummissjoni Ewropea mistenni jibda fl-1 ta’ Diċembru li ġej.