F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista ppubblika dak li kellu jkun id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista u li kien qed jinżamm mistur.
Hawn ġie spjegat kif dan id-dokument beda jinkiteb fil-bidu tas-sajf mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista bl-għajnuna ta’ sitt esponenti oħra tal-Partit, inkluż il-Viċi Kap, is-Segretarju Ġenerali u erba’ kelliema oħra.
Intqal kif l-ewwel verżjoni tlestiet fl-4 ta’ Settembru imma wara konsultazzjoni ma’ diversi esperti l-PN għażel li ma jippubblikax hu d-dokument.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie nnutat kif diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista bħall-esperti ma laqgħux il-proposti tad-dokument. Hawn spikkaw il-kumment “more beef” b’rabta mal-proposti tal-enerġija u l-infrastruttura biex ikollhom aktar sustanza. L-istess fejn jidħlu proposti fuq għajnuna lejn first-time buyers, jintqal “this needs work”. Dawn il-kummenti saru minkejja li l-Kap Nazzjonalita ftaħar fil-midja li kellu proposti aħjar minn tal-Gvern.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard tkellem dwar is-sezzjoni fid-dokument li kienet se tħares lejn proposti fit-tul.
Lil hinn minn hekk ir-rapport huwa miżgħud żbalji bażiċi. Pereżempju jingħad li ċ-ċifra tad-dejn għall-2023 hija ta’ €10.6 biljun, meta din kienet kważi €800 miljun anqas.
Hawn intqal ukoll kif għalkemm il-Gvern qiegħed jitkellem fuq il-kwalità u mhux il-kwantità, l-Partit Nazzjonalista kiteb li jrid ikabbar l-impjiegi bi tnejn u tletin elf ewro.
Intqal ukoll kif, id-dokument fih ukoll żbalji fuq kemm hawn nies jaħdmu f’diversi setturi, fosthom fis-settur finanzjarju biex b’hekk il-mira ta’ żieda fl-impjiegi f’dawn is-setturi li mwegħda mill-awturi tad-dokument kieku sempliċement twassal biex pajjiżna jkollu l-istess ammont ta’ impjiegi li hawn preżentament f’dawn is-setturi.
Il-Ministru Byron Camilleri qabbel dan l-aġir ma’ dak ta’ sentejn ilu meta l-Partit Nazzjonalista ħareġ għadd ta’ verżjonijiet tal-manifest elettorali.