Hekk kif il-kampanja presidenzjali Amerikana waslet fi tmiemha, diversi artisti rinomati qed juru l-appoġġ tagħhom għal Kamala Harris qabel il-vot ta’ għada. Fost dawk ikkonfermati li se jkunu qed jagħtu wirjiet hemm Lady Gaga u Katy Perry.
Skont il-midja internazzjonali, tard illejla f’Philadelphia ma’ Harris mistennija jingħaqdu Lady Gaga, The Roots, Ricky Martin u DJ Cassidy, b’Oprah Winfrey ukoll mistennija li tindirizza lil dawk preżenti.
Aktar kmieni, f’Pittsburgh, se jkun hemm attività bl-isem “Get Out The Vote” u kunċert minn Katy Perry, Andra Day u D-Nice.
Ilbieraħ, Lady Gaga esprimit l-appoġġ tagħha għal Kamala Harris fuq il-mezzi soċjali. Ċelebritajiet oħra li qed juru s-sostenn tagħhom għall-Harris jinkludu lil Bruce Springsteen, Harrison Ford, Taylor Swift, Beyoncé, Samuel L. Jackson, Leonardo di Caprio, Joni Mitchell, Spike Lee, Arnold Schwarzenneger, Charli XCX, Cher, Eminem, Billie Eilish u Bon Iver.
Riċentament Beyoncé dehret ma’ Harris f’Texas waqt avveniment tad-Demokratiċi fuq id-drittijiet tar-riproduzzjoni fejn ma kantatx iżda għamlet diskors qawwi.
Il-pożizzjoni ta’ Trump dwar l-abort u d-deċiżjoni preċedenti tiegħu li jwaqqaf l-abbozz importanti tad-drittijiet riproduttivi Roe vs Wade kienu wieħed mill-punti ewlenin li ġew diskussi f’din l-elezzjoni. Bosta ċelebritajiet ħarġu jappoġġjaw lil Harris speċifikament għall-impenn tagħha li terġa tagħti l-aċċess għall-abort madwar il-pajjiż kollu.