Aktar kmieni dalgħodu beda jinstema’ l-ġuri ta’ raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara, li jinsab akkużat li 13-il sena ilu pprova joqtol lil martu. Il-Qorti ordnat biex ma jissemmiex isem l-akkużat u dak tal-vittma minħabba wliedhom.
Jirriżulta li l-każ imur lura għal Mejju tal-2011 meta argument bejn l-akkużat u martu kien spiċċa b’din tal-aħħar taqla sitt daqqiet ta’ sikkina fir-residenza privata tagħhom f’Birkirkara.
Fil-Qorti ngħad kif omm il-vittma, li dak iż-żmien kellha 66 sena, kienet ukoll sofriet ġrieħi ħfief, waqt li pprovat tipproteġiha.
F’dan il-każ, il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josephine Mifsud Farrugia filwaqt li l-Avukat Alexandra Mamo qed tidher għall-vittma.