Wirt Għawdex se tiftaħ il-bibien tal-Kappella ta’ Santa Ċeċilja għall-pubbliku nhar is-17 ta’ Novembru bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-5:00 ta’ waranofsinhar, ftit jiem qabel il-festa ta’ din il-patruna tal-mużika.
Il-kappella tinsab ħdejn it-Torri ta’ Santa Ċeċilja, fi Triq Ta’ Lambert, Għajnsielem, limiti tax-Xewkija. Inħeġġu lin-nies jiġu bir-rota, bil-mixi jew b’tal-linja. Din il-kappella medjevali li hi l-unika waħda tal-epoka tagħha f’Għawdex u min iżurha se jkun jista’ jingħata spjegazzjoni dwar il-post, imma wkoll jista’ jixtri ikel u xorb, waqt li se jkun hemm għażla kbira ta’ kotba minn Merlin Publishers flimkien ma’ għadd ta’ sorpriżi u rigali oħrajn.
L-NGO qalet li l-jum se jkun mimli attivitajiet mill-isbaħ li jmissu ma’ din it-tema. L-attivitajiet huma kollha bla ħlas u
min iġib it-tazza u l-platt miegħu jingħata skont ta’ 10% fuq il-pubblikazzjonijiet ta’ Wirt Għawdex. Dawn l-inizjattivi huma parti mill-inizjattiva tal-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart.
Ma’ dawn se jkun hemm wirja mill-Aurora Folk Group, taħdita bl-Ingliż minn Alex Vella Gregory, kunċert żgħir mill-orkestra tal-istudenti ta’ Sir M.A. Refalo 6th Form immexxija mill-Mro Joseph Grech, wiri tad-dokumentarju tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti bl-isem “Music in Malta – From Prehistory to Vinyl” u intervista mal-awtur Trevor Zahra.
Aktar dettalji fuq il-paġni ta’ Facebook ta’ Wirt Għawdex.