Għaddejjin b’ritmu tajjeb l-aħħar preparamenti għall-kunċert mużikali ‘Una Notte Italiana’ li se jsir fit-Teatru tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, f’Birkirkara, nhar is-Sibt, 23 ta’ Novembru, 2024.
Il-Banda Peace tan-Naxxar, se tkun qed toffri spettaklu mill-aqwa ta’ mużika Taljana, b’siltiet minn opri grandjużi, tarantelli popolari, mużika minn films klassiċi, u uħud mill-aqwa suċċessi mużikali eterni. Mal-Banda Peace din is-sena ser jieħdu sehem is-sopran Claire Caruana u t-tenur Georg Zammit, kif ukoll iż-żeffiena ta’ A-Line Dance Academy by Alana Bondin.
Fost il-mużika li se tindaqq hemm siltiet bħal Marċ Trijonfali mill-‘Aida’, u l-Brindisi tat-‘Traviata’ ta’ Verdi, kif ukoll in-‘Nessun Dorma’ ta’ Puccini, mużika mmortali. Il-kunċert se jkun qed jieħu xejra differenti fit-tieni parti b’mużika mill-films fosthom ‘La Strada’ u ‘La Vita e Bella’, mużika ta’ Ennio Morricone, Andrea Bocelli, Ricchi e Poveri, Umberto Tozzi u ħafna oħrajn fost sorpriżi waqt is-serata.
Id-direzzjoni hi ta’ Lino Pirotta, surmast direttur tal-istess Banda.
Aktar informazzjoni u biljetti jinkisbu minn www.bandapeacenaxxar.com.