Id-Demokratika Kamala Harris għamlet l-aħħar diskors tagħha qabel l-elezzjoni presidenzjali fi knisja storikament tas-suwed waqt li indirrizat l-Amerikani Għarab fl-istat ikkumbattut ta’ Michigan ilbieraħ, filwaqt li r-rivali tagħha, r-Repubblikan Trump, ħaddan vjolenza retorika f’rally f’Pennsylvania.
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed jindika li l-koppja qegħdin f’tellieqa verament stretta bil-Viċi President tal-Istati Uniti li għandha 60 sena tinsab issapportjata ħafna mill-votanti nisa, filwaqt li Trump li għandu 78 qed ikun dejjem aktar ppreferut mill-votanti Ħispaniċi speċjalment dawk irġiel.
L-elezzjoni tat-Tlieta se tkun importanti wkoll għal min se jikkontrolla l-kungress bir-Repubblikani favoriti li jkollhom il-maġġoranza tas-Senat filwaqt li d-Demokratiċi jidhru li għandhom ċans idawru l-maġġoranza żgħira li għandhom ir-Repubblikani fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Presidenti li l-partiti tagħhom ma jkollhomx il-kontroll taż-żewġt ikmamar fil-passat dejjem kellhom problemi sabiex ikollhom l-approvazzjoni ta’ leġislazzjonijiet ewlenin.
In ġenerali l-votanti ma tantx qed iħarsu b’mod favorevoli lejn iż-żewġ kandidati iżda xorta qed joħorġu jitfgħu l-preferenza tagħhom.
Aktar minn 78 miljun Amerikan diġà ħarġu jivvutaw qabel il-jum propju tal-elezzjoni t-Tlieta, li jfisser li kważi nofs il-votanti li ħarġu jivvutaw fl-2020, meta b’total ta’ 160 miljun ġiet irreġistrata l-ogħla figura ta’ votanti f’aktar minn seklu.