Residenti irrabjati bbuwjaw u tefgħu bajd lejn ir-Re Felipe u r-Reġina Letizia ta’ Spanja hekk kif dawn żaru r-reġjun ta’ Valencia fejn aktar minn 200 persuna mietu f’għargħar devastanti.
Ir-re kien milquh b’għajjat ta’ “qattiel” hekk kif żar Paiporta, ftit barra mill-belt ta’ Valencia, li kienet milquta ħażin ferm f’dan id-diżastru. Miegħu kellu lill-Prim Ministru Pedro Sanchez u l-Gvernatur reġjonali Carlos Mazon. F’dan il-lokal in-nies qed jakkużaw lill-awtoritajiet li ma ħadux il-miżuri neċessarji kontra dan id-diżastru.
Wara li ppużaw għal ritratt, il-folla bdiet titfa’ insulti lejn ir-Re, Mazon u Sanchez u hekk kif ppruvat tavviċinahom, l-uffiċjali tas-sigurtà fetħu l-umbrellel f’tentattiv li jippruvaw jipproteġuhom minn tfigħ ta’ oġġetti.
Ikkonfrontat minn wieħed mir-residenti, ir-Re Felipe baqa’ kalm u niżżel l-umbrella tiegħu biex jisma’ hekk kif il-pulizija kienu qed jitħabtu biex jikkontrollaw lil dawk miġbura. Ir-Reġina Letizia wkoll tkellmet mar-residenti furjużi u dehret vizibilment emozzjonata żżomm rasha b’idejha.
Wara l-protesta, l-midja soċjali tal-Familja Rjali ħarġet filmat li juri lir-Re u r-Reġina jħaddnu lir-residenti mnikkta fejn raġel deher jintefa’ jolfoq f’idejn ir-Re u f’xena oħra r-Re jidher iħaddan żewġ nisa jibku.
Mhuwiex solitu li monarka Spanjol jiġi ffaċjat b’tali rabja mill-qrib. Ir-Re Felipe huwa figura relattivament popolari li wiret it-tron wara li abdika missieru.
Filfatt, fil-biċċa l-kbira, ir-rabja deheret diretta lejn Mazon u Sanchez li malajr telqu minn fuq il-post anke meta r-Re insista li jibqa’ minkejja l-kaos tas-sitwazzjoni.
L-uffiċju ta’ Sanchez ħarġu stqarrija fejn qalu li l-Prim Ministru ġie mwarrab minħabba miżuri ta’ sigurtà u fuq il-portal X, Mazon qal li seta’ jifhem ir-rabja u faħħar l-aġir eżemplari tar-Re.
Mill-anqas 214-il persuna issa huma kkonfermati mejta fl-għargħar u l-figura mistennija titla’ aktar. Fost l-aħħar vittmi kien hemm mara ta’ 70 sena li l-katavru tagħha nstab aktar minn 12-il kilometru bogħod minn darha.