Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ippropona li, kemm-il darba jkun Prim Ministru, ineħħi dik li, skontu, hi sena żejda fil-ħlas tal-bolla kif imħabbar fil-Baġit għas-sena d-dieħla.
Minkejja dan, waqt li tali miżura tittieħed kultant żmien għas-sostenibilità tal-pensjonijiet, din ukoll ġiet proposta u approvata mill-Kummissjoni Ewropea. Iżda, iżjed minn hekk, il-proposta tal-Kap attwali Nazzjonalista tmur kompletament kontra d-deċiżjoni tal-predeċessur tiegħu, Simon Busuttil.
Fil-fatt, meta fl-2016 tressqet għall-approvazzjoni fil-Parlament emenda simili u l-għadd tal-kontribuzzjonijiet tela’ għal 41 sena minn 40, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista dakinhar ma sabet l-ebda oġġezzjoni u l-vot għadda b’mod unanimu.
Xi ħaġa li jidher ċar li Grech ma kkunsidrax meta l-Ħadd filgħodu kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ tliet ġurnalisti f’sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’lukanda f’San Ġiljan.
Uħud mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ta’ tmin snin ilu, li kienu vvotaw favur l-emenda dakinhar, illum ukoll jagħmlu parti mill-Oppożizzjoni mmexxija minn Grech.
Ironikament, il-Kap Nazzjonalista wkoll spara bl-addoċċ dwar il-miżura tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, fl-istess jum li l-gazzetta Sunday Times ippublikat fact checker wera li mhux veru li din se tgħolli l-età tal-irtirar.
B’hekk kompla joħroġ iżjed fid-deher il-politika ta’ konfużjoni Nazzjonalista u n-nuqqas t’għarfien kif wieħed jistenna mill-Oppożizzjoni.