Eżempji prattiċi ta’ individwi u koppji f’ċirkostanzi tal-ħajja differenti juru kif il-faxex kollha tal-familji f’pajjiżna, partikolarment dawk fil-faxxa t’isfel u dik medja, se jaraw titjib fid-dħul tagħhom, bis-saħħa tal-miżuri mħabbrin mill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana.
F’żewġ rapporti separati, li dehru fil-gazzetti Kullħadd u It-Torċa fl-aħħar ħarġa tagħhom, ġie spjegat kif familji, ħaddiema u pensjonanti se jkunu qegħdin igawdu minn titjib sostanzjali tal-ħajja bil-baġit għas-sena d-dieħla mħabbar it-Tnejn li għadda.
Mill-eżempji li nġiebu, jirriżulta li koppja ta’ pensjonanti ’l fuq minn 75 sena u fuq l-inqas livell ta’ pensjoni se tesperjenza titjib ta’ €8 fil-ġimgħa, żieda ta’ €50 fl-għotja jekk għadhom jgħixu f’darhom, titjib fl-allowance supplimentari ta’ €188 u €798 oħra mill-mekkaniżmu addizzjonali.
B’hekk se jkollhom titjib fid-dħul ta’ €1,452 jew 25% aħjar mill-ewwel sentejn ta’ din il-leġiżlatura, u aktar mid-doppju tal-leġiżlatura preċedenti. Dan meta fl-aħħar sentejn raw żieda ta’ madwar €1,110 mal-Baġit 2023 u €1,208 mal-Baġit 2024, waqt li fil-leġiżlatura li għaddiet iż-żieda medja annwali għalihom kienet ta’ madwar €730.
Koppja t’anzjani ta’ 70 sena, b’pensjoni massima għar-raġel u dħul ieħor ta’ €4,000, waqt li l-mara bla pensjoni, għax ma ħallsitx biżżejjed bolol, se tara titjib ta’ €8 fil-ġimgħa, aġġustament fil-pensjoni massima ta’ €11 fil-ġimgħa u ta’ €2 fil-ġimgħa fil-bonus addizzjonali, titjib ta’ €250 fil-bonus għall-mara u €436 mill-mekkaniżmu addizzjonali.
B’hekk se jkollhom titjib fid-dħul annwali ta’ €1,802 jew 58% aħjar mill-ewwel sentejn ta’ din il-leġiżlatura, meta rċevew €970 aktar permezz tal-Baġit 2023 u €1,313 bil-Baġit 2024. Dan hu wkoll kważi t-tripplu tal-leġiżlatura preċedenti, meta ż-żieda medja kienet ta’ €660 fis-sena.
Koppja żagħżugħa, it-tnejn fuq il-paga minima nazzjonali u b’żewġt itfal xi jmantnu, dawn issa se jgawdu minn żieda ta’ madwar €8.50 fil-ġimgħa fil-paga, titjib fiċ-Children’s Allowance ta’ €500 u benefiċċju ta’ €1,219 mill-mekkaniżmu addizzjonali.
B’kollox id-dħul tagħhom se jitjieb b’€2,576 jew 15% aħjar mill-aħħar sentejn f’din il-leġiżlatura, u kważi erba’ darbiet il-medja tal-leġiżlatura preċedenti fejn kellhom żieda ta’ €695 kull sena.
Bil-Baġit 2023 u dak għall-2024, din il-familja kienet żdiedet bi kważi €1,310 u €3,187 rispettivament.
Koppja fil-klassi medja, b’żewġt itfal, wieħed fi skola privata u l-ieħor jattendi s-Sixth Form, se terġa’ tieħu żieda fil-paga, se tgawdi minn €1,300 fi tnaqqis fl-Income Tax, żieda ta’ €250 fiċ-Children’s Allowance u titjib ta’ €975 fid-dħul minħabba l-bidla fl-eżenzjoni tat-taxxa fuq miżati għal skejjel privati.
B’kollox id-dħul tagħhom se jitjieb bi €3,070 is-sena d-dieħla jew 38% aħjar mill-ewwel sentejn ta’ din il-leġiżlatura, fejn kienu rċevew ta’ kważi €1,520 bil-Baġit 2023 u €2,934 fil-Baġit 2024.
Iż-żidiet għaliha s-sena d-dieħla jfissru wkoll kważi tliet darbiet il-medja tal-leġiżlatura preċedenti, li kienet ta’ madwar €905 aktar fis-sena.
F’eżempji mill-gazzetta It-Torċa dwar persuni, li se jgawdu mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, jirriżulta li, fil-każ ta’ komputazzjoni singola, l-iffrankar se jvarja minn 485 ewro sa 675 ewro, waqt li dawk li huma rreġistrati taħt il-komputazzjoni ta’ ġenitur se jiffrankaw bejn 375 u 650 ewro fl-2025.
Fil-każ tat-tielet komputazzjoni dik tal-miżżewġin id-dħul tagħhom se jiżdied bejn 345 ewro u 645 ewro s-sena d-dieħla.