Mara ta’ 35 sena residenti x-Xagħra weġġgħet gravi wara li kienet passiġġiera f’vettura li kienet involuta f’inċident tat-traffiku.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija f’Dawret San Pawl, San Pawl il-Baħar.
Il-mara kienet passiġġiera f’karozza tat-tip Honda Fit misjuqa minn raġel ta’ 40 sena mill-Mosta u li ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif bħaż-żewġt itfal, tifel ta’ 6 snin u tifla ta’ 11-il sena, li wkoll kienu riekba fil-vettura.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn din il-vettura u Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti l-Imġarr, li iżda ma weġġax kawża tal-inċident.
Fuq il-post assista tim mediku li ħa lill-vittmi lejn l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura u fejn ġiet stabbilita l-kundizzjoni tagħhom.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.