Malta kienet l-ewwel pajjiż u għadha l-uniku pajjiż li ttrasponda d-direttiva Anti-SLAPP, direttiva li l-gvern Malti pparteċipa bi sħiħ fid-diskussjonijiet tal-abbozzar tagħha.
Iddikjara dan il-Gvern Malti fi stqarrija, b’reazzjoni għall-mozzjoni Parlamentari mill-Oppożizzjoni biex skonthom titjieb il-liġi tal-Anti-SLAPP.
Il-Gvern qal li bil-mozzjoni irrelevanti li jrid iressaq, il-Partit Nazzjonalista jrid jipposponi liġi li diġà hija fis-seħħ dwar dispożizzjoni Anti-SLAPP, għal Marzu tas-sena d-dieħla.
Il-gvern saħaq li diġà kkonferma l-intenzjoni tiegħu li jkompli jikkonsulta pubblikament fuq temi li jittrattaw l-kumplament tal-proposti li mhux indirizzati fid-direttiva u li huma elenkati fir-rapport tal-Kumitat tal-Esperti, però fil-frattemp diġà daħħal fis-seħħ id-direttiva biex joffri l-livell ta’ protezzjoni maqbul fuq livell Ewropew.
Il-gvern diġà kkonferma wkoll l-impenn tiegħu biex issa l-implimentazzjoni tal-Anti-SLAPP seħħet, tajjeb li bħala nazzjon nitfgħu ħarsitna fuq aspetti oħrajn li jirrappreżentaw is-soċjetà kollha.