Il-kelb huwa l-akbar ħabib tal-bniedem, li mhux biss iżommilna kumpanija fid-djar tagħna, iżda kelb mgħallem jista’ anke jgħin f’operazzjonijiet delikati ta’ salvataġġ, f’sitwazzjonijiet ta’ ħajja u mewt.
Ħaġa li rajniha s-Sibt filgħodu, fejn il-klieb magħrufa bħala tal-K9 assistew għal operazzjoni ta’ salvataġġ wara terremot bħala prova, fiż-żona tal-White Rocks, f’Pembroke.
Din is-simulazzjoni ttellgħet mill-K9 Search & Rescue, flimkien ma’ membri mill-Korp tal-Pulizija, mill-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Protezzjoni Ċivili u mis-St. John Rescue Corps – li saħansitra rat is-sehem tal-ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta, sabiex jassisti f’dan is-salvataġġ.
Din l-għaqda volontarja, b’nies u klieb imħarrġa, tassisti fost l-oħrajn sabiex jinstabu persuni rrapurtati nieqsa, fosthom dawk bid-dimensja u tfal, biex jinstabu persuni wara diżastri naturali kif ukoll wara t-tiġrif ta’ xi binja.
Joe Attard, li huwa l-President ta’ din l-Assoċjazzjoni, spjegalna l-ħidma fejjieda li twettaq din l-organizzazzjoni.
Qal, “Ngħinu lill-Protezzjoni Ċivili fejn hemm il-ħtieġa. L-ewwel dejjem joħroġ id-dipartiment, u hawn għaqdiet oħrajn volontarji, li qed jagħmlu ħidma fejjieda fejn tidħol din l-għajnuna.”
Attard spjega l-importanza ta’ provi u taħriġ bħal dawn.
Qal, “Il-klieb din hija logħba għalihom li mar sab il-persuna, f’li ġara, aħna ngħidu li sibna imbagħad isir ir-rescue.”