Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, ħabbar sitt pilastri li se jwasslu biex tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku.
Il-Ministru Bonett spjega kif is-sett ta’ proposti mħabbra għaddew minn sensiela ta’ konsultazzjonijiet ma’ bosta esperti, għaqdiet, ġurnalisti, u mill-pubbliku, biex b’hekk, jiġu żgurati proposti tanġibbli li se jħallu l-frott.
Dawn il-konsultazzjonijiet ilhom għaddejjin diversi snin sabiex, finalment, jinħoloq dan il-pjan ħolistiku ewlieni.
L-ewwel pilastru se jindirizza l-ekonomija ta’ 24 siegħa, fejn ġie propost li s-servizzi pubbliċi bħall-ġbir tal-iskart u l-indafa fit-toroq, u s-servizz privat, isiru fl-off-peak hours, iġifieri lil hinn mis-sitta u d-disgħa ta’ filgħodu, u l-erbgħa u s-sebgħa ta’ filgħaxija fost il-ġimgħa, u bejn id-disgħa u nofsinhar nhar ta’ Sibt.
Proposta oħra taħt dan il-pilastru tinkludi studju dwar is-servizz tal-merkanzija għal Għawdex mill-Freeport, Kordin u l-Belt Valletta – ħaġa li se tara t-tnaqqis ta’ madwar 47 miljun kilogrammi f’emissjoni tal-karbonju tad-dijossidu mill-arja tagħna.
It-tieni pilastru għandu sett ta’ inċentivi immirati biex jikkonvinċu liż-żgħażagħ ma jakkwistawx liċenzja tal-karozza, u inċentivi oħra sabiex il-ħaddiema jużaw il-karozza privata tagħhom fl-off-peak hours.
Ġiet imħabbara wkoll li se tkun qed tiġi riveduta l-Employee Transportation Deduction Act. Għaldaqstant, l-inċentiv għall-persuni li jagħmlu użu mill-carpooling se jonqos minn tmien persuni, għal erba’ persuni.
It-tielet pilastru huwa rigward il-faċilitajiet ġodda ta’ park & ride fil-qalba tal-lokalitajiet biex titrażżan il-problema tal-parkeġġ. Il-Ministru semma kif f’dan ir-rigward u fuq qasam diġitali, se tkun qed tinħareġ espressjoni ta’ interess għal dawk li għandhom kwalunkwe soluzzjoni diġitali ta’ kif tista’ tittaffa l-problema tal-parkeġġ.
Ir-raba’ pilastru li ġie indirizzat huwa t-trasport pubbliku, fejn il-Ministru ħabbar proposti li għandhom l-għan li jiġu evalwati rotot ġodda u diretti u revżjoni tar-rotot kollha, inkluż l-aċċess għal rotot diretti mill-Park & Ride f’Ta’ Qali għall-Isptar Mater Dei u l-Università.
It-titjieb fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet bejn l-entitajiet kollha kkonċernati u proġetti infrastrutturali huwa l-ħames pilastru li ġie indirizzat. Għalhekk, ġie propost li jinħoloq kumitat biex jikkordina x-xogħlijiet infrastrutturali u tittejjeb il-komunikazzjoni mar-residenti.
Is-sitt u l-aħħar pilastru jitratta l-mobbilità sostenibbli u għal dan il-għan, se tkun qed titnieda strateġija nazzjonali għall-mixi u l-użu tar-roti.