L-aġenzija internazzjonali Creditreform ikkonfermat mill-ġdid ir-rating ta’ A+ stabbli għal pajjiżna, li hu l-aqwa livell li din qatt tat lill-ekonomija nazzjonali.
Fost ir-raġunijiet li ngħatat għal din id-deċizjoni, Creditreform sostniet li pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku qawwi, bir-raġunijiet ikunu li kellna “l-aktar tkabbir veloċi fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro” u l-ġid nazzjonali hu 23% akbar milli kien qabel il-pandemija.
B’hekk il-ġid nazzjonali lokali, ras għal ras, żdied b’mod konsiderevoli u issa hu, fi kliem Creditreform, “bla dubju l-akbar dħul per capita” fost il-pajjiżi bl-istess rating ta’ Malta.
L-esperti ta’ din l-aġenzija Ġermaniża jsostnu li l-ekonomija Maltija hi ferm diversifikata u dan jagħmilha reżiljenti ħafna.
Creditreform qalet li s-suq tax-xogħol f’Malta hu “b’saħħtu ħafna” u dan qed iwassal biex il-qgħad ikun f’livelli minimi storiċi. Minbarra hekk, l-esperti tagħha rrimarkaw li “t-tkabbir tal-impjiegi annwali kien l-akbar fost il-membri taż-Żona Ewro”, waqt li nnotaw progress f’ħafna indikaturi ta’ progress soċjali.
Ir-rapport ifaħħar ukoll l-avvanzi fil-qasam diġitali ta’ Malta fejn l-indikaturi Ewropej juru lil pajjiżna fuq quddiem nett fil-klassifika tal-ħiliet diġitali u l-użu tat-teknoloġija.
Dwar il-qagħda fiskali, l-esperti internazzjonali qalu li l-livell moderat tad-dejn nazzjonali jnaqqas ir-riskji ta’ nuqqas ta’ sostenibbiltà fiskali, dan meta l-livell tiegħu wkoll mhux mistenni jiżdied b’mod sinifikanti, minkejja l-għajnuniet kollha offruti mill-Gvern Malti.
Creditreform ikkonkludiet tgħid li Malta għandha qafas istituzzjonali b’saħħtu u dan qed jitjieb taħt l-amministrazzjoni preżenti.