Il-Gvern sostna li huwa inaċċetabbli li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel kampanja ta’ intimidazzjoni lejn uffiċjali pubbliċi.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, fejn intqal li hi ironika, kif filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jiddikjara li jrid il-ġid tal-edukaturi, fl-istess ħin ma jiddejjaq xejn jattakka edukatriċi billi jsemmija b’isimha u kunjomha.
Fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni mkien ma ssemmi li l-kontenut taċ-ċirkolari kien diġà prassi fi żmien meta kienet fil-Gvern.
Ġie spjegat kif aktar kmieni din is-sena, il-Gvern, flimkien mal-MUT iffirma l-aqwa ftehim għall-edukaturi li introduċa titjib sostanzjali fil-kumpens, salarji, allowances, u benefiċċji oħra għall-edukaturi, għal-kuntrarju ta’ dak li għamlu amministrazzjonijiet preċedenti qabel l-2013 fejn l-edukaturi tħallew bi ftehim li ma jiskadix għal snin twal.
Il-ftehim iffirmat lejn nofs din is-sena jirrifletti l-impenn sinifikanti biex tissaħħaħ il-professjoni tal-edukaturi u biex jingħataw ir-rikonoxximent u l-appoġġ li jistħoqqilhom.
Intqal li f’Awwissu, l-edukaturi ħadu l-ewwel benefiċċji u din il-ġimgħa sar l-ewwel ħlas tas-salarji aġġustati taħt il-ftehim il-ġdid, b’aktar minn 8,500 edukatur fis-settur pubbliku jibbenefikaw mill-ħlasijiet li kienu dovuti lejhom, b’lura b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena l-oħra. Filwaqt li l-maġġoranza tal-edukaturi rċievew l-aġġustamenti ġodda tas-salarji bla xkiel, il-Ministeru jirrikonoxxi li kien hemm xi individwi li kellhom ammonti ta’ ħlas mhux korretti.
B’reazzjoni għal dan, il-Ministeru għamel kuntatt b’mod proattiv mal-edukaturi affettwati biex tiġi żgurata ċarezza u trasparenza. Ġiet stabbilita sistema ta’ appoġġ, li tipprovdi lill-edukaturi bl-għajnuna neċessarja.
L-edukaturi jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu email fuq info.edu.agreement@gov.mt sabiex il-mistoqsijiet individwali tagħhom jiġu indirizzati.
B’kull każ se jkun indirizzat b’attenzjoni, u dan jirrifletti l-impenn tal-Ministeru biex jissolvew il-kwistjonijiet b’mod preċiż biex jilħaq il-ħtiġijiet individwali tal-edukaturi tagħna. Dan qed isir ukoll b’kuntatt kontinwu mal-MUT.
B’rabta maċ-ċirkolari dwar il-parteċipazzjoni tal-edukaturi f’dehriet fil-midja fil-kapaċità professjonali tagħhom, il-Ministeru jiċċara li mhuwiex minnu li ser nagħmlu sarima ma’ ħalq kwalunkwe ħaddiem fil-Ministeru. Din iċ-ċirkolari titkellem b’mod ċar dwar il-parteċipazzjoni tal-edukaturi fil-mezzi tax-xandir meta jagħmlu dan fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi fl-irwol rispettiv tagħhom.
Għaldaqstant, tant kemm mhux minnu dak li l-Oppożizzjoni qed tinsinwa, fl-istess oġġettivi tal-istess ċirkolari, wieħed qed jirrikonoxxi u jinkoraġixxi l-parteċipazzjoni u l-kontribut tal-edukaturi f’dibattiti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, din iċ-ċirkolari qed tagħti linji gwida ċari ta’ kif meta indvidwu fil-kapaċità tiegħu, bħala uffiċjal pubbliku, jipparteċipa fuq mezzi tax-xandir, ikun jista’ jagħmel dan bl-informazzjoni sħiħa u korretta.
AQRA AKTAR: