Il-Partit Laburista kkundanna l-aġir tal-Partit Nazzjonalista li qed jagħmel sarima ma’ ħalq il-Gvern biex, kif inhu obbligat li jagħmel, jinforma lin-nies bil-miżuri mħabbrin fil-Baġit 2025 fuq ix-xandir pubbliku.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mill-Membri Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba u Daniel Attard, dwar kif il-Partit Nazzjonalista, bl-azzjonijiet tiegħu fil-Qorti, irid jitfa’ lill-ħaddiema tax-xandir nazzjonali l-ħabs.
Id-Deputat Mexxej Laburista Agius Saliba qal li l-Partit Nazzjonalista rrikorra għal proċeduri legali fil-konfront tax-xandir pubbliku biex iwaqqfu milli jxandar clips informattivi dwar il-miżuri tal-Baġit 2025 bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Agius Saliba rrimarka kif dawn il-clips informattivi jixxandru kull sena biex in-nies jifhmu aktar kif se jibbenefikaw mill-miżuri mħabbrin fil-Baġit, li hu l-aktar proċess Parlamentari importanti għall-Gvern matul is-sena.
“Allura minn hemmhekk jara l-paniku li ħakem lill-Oppożizzjoni, meta raw li, għal darb’oħra, dan il-Gvern mexxa ’l quddiem baġit b’saħħtu, baġit soċjali, baġit li qiegħed jindirizza wkoll numru ta’ sfidi li għandna bħala pajjiż.”
Alex Agius Saliba
L-Ewroparlamentari Daniel Attard ta redikont ta’ għadd ta’ miżuri, li bihom il-poplu se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, fosthom bit-tnaqqis tat-taxxi, iż-żieda fil-pensjonijiet u s-sussidji fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Qal li l-Partit Nazzjonalista, flok joħroġ bi kritika kostruttiva dwar il-miżuri tal-baġit, qed jipprova jostakola l-ħidma tal-Gvern u juża l-istituzzjonijiet biex il-poplu ma jkunx informat biżżejjed dwar kif il-Gvern se jwieżen lill-familji, lill-pensjonanti u n-negozji.
“U l-Oppożizzjoni, minflok toħroġ bis-soluzzjonijiet jew bil-kritika kostruttiva, tirrikorri għall-istituzzjonijiet biex tiċċensura l-ħidma tal-Gvern.”
Daniel Attard