Erba’ siġriet fi Triq l-Indipendenza fil-Mosta tqaċċtu b’mod brutali u aktarx b’vendikazzjoni minn quddiem villa, fejn tgħix mart il-kuntrattur Żaren Vassallo.
Minbarra li l-att innifsu qajjem rabja fi group chat tar-Residenti Mostin, aktar minn hekk, l-iżjed li urta lil bosta kien kumment tas-Sindku Nazzjonalista Joseph Gatt fejn qal li l-kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, anke jekk is-siġar jinsabu fuq il-bankina pubblika.
Bil-kontra, meta Kunsill preċedenti Laburista, ried jirriloka numru ta’ siġar li kienu qed jagħmlu ħsara kbira fil-pjazza, il-Partit Nazzjonalista kien fost dawk li qajmu plejtu, iżda issa donnu li l-qerda ta’ dawn is-siġar hu inqas importanti u s-Sindku farfar billi tefa’ kumment żgħir fejn qal li l-ERA intalbet tinvestiga.