Zero Sei telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Women’s Futsal League wara rebħa tajba ta’ 2-0 kontra Santa Margherita Futsal. Huma skorjaw gowl f’kull taqsima sabiex aċċertaw ir-rebħa. Minkejja l-attakki kontinwi ta’ Santa Margherita fit-tieni taqsima, huma ma rnexxielhomx jinfdu d-difiża soda avversarji bil-goalkeeper Dorienne Grech li wettqet numru ta’ saves tajba. Awtogowl ta’ Jennifer Grech u gowl ieħor ta’ Andrea Alonso iddeċidew din il-logħba. Referees kienu Andrea Naudi u Stefania Bonnici.
Iċ-champions Lija Athletic kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fid-debutt tagħhom f’dan il-kampjonat wara skor ta’ 5-2 kontra Mtarfa. Lija sabu ruħhom darbtejn minn taħt iżda kienu kapaċi jdawru l-iskor favurihom sabiex ħadu l-ewwel tliet punti tal-istaġun. Demi Magrin poġġiet lil Mtarfa minn fuq sabiex awtogowl ta’ Emily Abdilla ġabet l-iskor indaqs għal Lija. Janice Pace stabilixxiet vantaġġ ieħor għal Mtarfa b’Lija li mal-ewwel wettqu reazzjoni u skorjaw erba’ gowls konsekuttivi minn doppjetta ta’ Leanne Micallef u gowls oħrajn ta’ Izabella Camilleri u awtogowl ta’ Karen Lia. Referees kienu Pierre Bonnici u Sara Kankaras.
Parr Mela Pebbles Futsal kisbu l-ewwel rebħa staġjonali wara li għelbu lil Iklin 4-3. Kienet logħba ferm bilanċjata u inċerta sal-aħħar b’Parr Mela li fl-aħħar mill-aħħar ħadu l-ewwel tliet punti tal-istaġun. Carol Salazar poġġiet lil Parr Mela minn fuq b’Mariah Catanzaro iġġib l-iskor indaqs għal Iklin. Eona Variza u Maria Coppola għamlu l-iskor 3-1 għal Parr Mela b’Eliana Gialanze terġa’ tnaqqas l-iskor għal Iklin. Eona Vargas għaqqdet doppjetta personali għal Parr Mela b’Mariah Catanzaro li naqqet għall-aħħar darba l-iskor għal Iklin. Referees kienu Stephen Vella u Danilo Francalanza.
KLASSIFIKA – ENEMED WOMEN’S FUTSAL LEAGUE – Zero Sei 6, Santa Margherita Women’s Futsal, Mtarfa Women, Parr Mela Pebbles Women’s Futsal Lija Women Futsal 3, Swieqi United Women’s Futsal LEC 07, Iklin Women’s Futsal 0.
Ritratt: Andre Farrugia