Il-Veterani Laburisti (VL) jesprimu s-sodisfazzjoni tagħhom għall-Baġit 2025 li ma jħalli lil ħadd barra, filwaqt li jsaħħaħ is-sisien għall-ġejjieni.
L-anzjani jinnutaw f’sodisfazzjon il-ħafna inizjattivi favur kull settur tas-soċjetà, l-aktar l-anzjani u dawk l-aktar fil-bżonn.
Fost il-ħafna miżuri soċjali, VL jsemmu li għall-għaxar darba konsekuttiva Gvern Laburista qed jerġa’ jżid il-pensjonijiet, żidiet li jammontaw għal kważi €70 fil-ġimgħa.
Il-Baġit se jsaħħaħ il-pensjoni tar-romol, jagħti bonus aqwa għall-anzjani li m’għandhomx pensjoni, filwaqt li se tkompli jingħata s-sussidju fuq l-enerġija u jagħti l-akbar tnaqqis fit-taxxa tad-dħul li qatt ingħatat.
VL jinnutaw ukoll l-impenn tal-Gvern biex jindirizza l-pensjonijiet tas-servizz, l-anomalija tal-1961/62 u sabiex jippromwovi pensjonijiet privati li jkomplu jiggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar għall-pensjonanti futuri.
VL jappoġġaw id-deċiżjonijiet għaqlin tal-Gvern Laburista li jissarrfu f’ekonomija b’saħħitha, suq tax-xogħol robust u qafas soċjali sostenibbli.