Il-Partit Nazzjonalista ġab skuza ġdida għalxiex il-kontijiet finanzjarji tiegħu baqgħu ma ġewx awditjati u sottomessi fil-ħin lill-Kummissjoni Elettorali, skont il-liġi, anke wara twissijiet formali li rċieva u t-tmiem tal-estensjonijiet mitlubin minnu.
Waqt il-programm ‘Awla’ fuq ONE, id-Deputat u Kelliem Nazzjonalista għall-Finanzi, Graham Bencini, saħansitra indika li hemm it-tbażwir f’dawn id-dokumenti, tant li qal li hemm riskji li kull awditur, li jagħmel rapporti simili, irid joqgħod attent minnhom.
Qal, “Irridu nifhmu, fil-każ ta’ partit politiku, hemm element ta’ riskju.”
Il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ssottometta l-ebda wieħed mill-kontijiet finanzjarji tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali mindu laħaq Kap Bernard Grech. Jiġifieri, bi ksur tal-liġi, għadu ma ppreżentax dawk għas-snin 2021, 2022 u s-sena l-oħra.
Anke jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem ħafna drabi dwar governanza t-tajba, fil-verità ilu jikser il-liġi prattikament erba’ snin.
Meta ġie mistoqsi aktar dwar dan, il-Kelliem Nazzjonalista għall-Finanzi sostna li l-awditur irid jiċċekkja li l-affarijiet, li qed jiffirma fuqhom, huma tajbin.
Biex, imbagħad, spiċċa jitfa’ r-responsabbiltà fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Li dak li qed jiffirma hu tajjeb. Dak il-proċess għaddej, kif spjega l-Kap tal-Partit, kif spjega s-Segretarju Ġenerali.”
Sussegwentement, id-Deputat Nazzjonalista kellu jiffaċċja l-mistoqsijiet mill-preżentatur ta’ ‘Awla’, Ronald Vassallo, dwar ir-rapporti tad-donazzjonijiet, li wkoll għadhom mhux ippreżentati, anke jekk dawn lanqas jeħtieġu awditur għalihom.
Dokumenti simili, li l-Partit Nazzjonalista wkoll għadu ma ppreżentax lill-Kummissjoni Elettorali, imorru lura għall-2021, l-ewwel sena sħiħa ta’ Bernard Grech bħala Kap.
Ironikament, fl-aħħar ġimgħat, il-Kap Nazzjonalista ftaħar li l-partit immexxi minnu jieħu l-affarijiet bis-serjetà.