Fl-ewwel tliet kwarti ta’ din is-sena, sa Settembru li għadda, kien hemm tnaqqis ta’ 169 persuna fuq il-benefiċċju tal-assistenza soċjali mqabbel mal-istess perjodu sena ilu.
Minn ċifri uffiċjali li ra ONE News, dan ifisser li, fuq medda ta’ sentejn, kien hemm tnaqqis ta’ kważi 370 persuna.
Tali tnaqqis jistona bil-kbir ma’ dak li kien ġara fil-kriżi ekonomika ta’ wara l-2008, meta dawk fuq l-assistenza soċjali kienu żdiedu kważi 900 persuna li saru dipendenti. Dan filwaqt, sal-2013, id-dipendenti telgħu għal iżjed mid-doppju tal-ammont tal-lum.
L-ammont ta’ single parents fuq l-assistenza soċjali llum ukoll kompla jonqos, b’madwar 6% inqas mill-2023.
Fl-ewwel tliet kwarti tal-2024 kompliet tonqos ukoll id-dipendenza fuq l-allowance supplimentari, bl-ammont li jirrikorru għalih jinżel bi kważi b’575 persuna meta mqabbel ma’ sena ilu u b’iżjed minn 1,000 imqabbel mal-2022.
Grazzi għall-miżuri ta’ baġits konsekuttivi wkoll żdied l-ammont direzzjonat lejn il-carers, li issa tela’ għal €11.1 miljun, jew tliet miljun ewro iżjed fuq sentejn qabel.
L-istess fil-każ taċ-Childrens’ Allowance, fejn l-allokazzjoni żdiedet bi kważi €22 miljun għal iżjed minn €54 miljun, grazzi għad-dħul ta’ suppliment u titjib fir-rati.
Ta’ min ifakkar li, wara l-kriżi ekonomika tal-2008, il-Gvern Nazzjonalista kien naqqas din l-assistenza lill-familji b’aktar minn €2 miljun.
B’differenza wkoll għal żminijiet oħra, l-anzjani wkoll ma tħallewx għal riħhom f’dan il-mument ta’ sfida ekonomika.
Filfatt l-ammont mogħti lir-romol tela’, għall-ewwel darba, għal iżjed minn €147 miljun, żieda ta’ €21 miljun fuq medda ta’ sentejn.
L-ammont mogħti lill-pensjonanti wkoll laħaq ċifra rekord, dik ta’ ’l fuq minn €621 miljun, bejn dawk kontributorji u dawk tal-età. Dan ifisser tkabbir ta’ €85 miljun imqabbel ma’ sentejn qabel.
Ta’ min jinnota li l-allokazzjoni għall-pensjonanti fuq il-pensjoni minima żdied bi 17% fuq sentejn.