Tressqu fil-Parlament żewġ proposti għal emendi fil-liġi dwar is-servizzi veterinarji u t-trattament xieraq tal-annimali. Dan bil-għan li jkun hemm koerenza u konformità mal-liġijiet u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea, li jkomplu jsaħħu u jissalvagwardjaw il-benessere tal-annimali.
L-emendi ġew ippreżentati mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, li spjegat kif dan il-Gvern jemmen f’moviment ħieles anke fis-settur tal-annimali, b’mod partikolari fejn tidħol is-saħħa u l-kura tagħhom u kien, għalhekk, li tħabbar il-kors għall-professjoni veterinarja.
B’rabta mal-emenda tal-Att tat-Trattament Xieraq tal-Annimali, is-Segretarju Parlamentari qalet, kif inhi l-liġi bħalissa, persuni ħatja li ttrattaw ħażin xi annimal għadhom mhux qed jitniżżlu b’obbligu f’reġistru apposta.
Fil-fatt, attwalment il-Qorti mhix obbligata tinforma lill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali b’sentenzi simili lil persuni b’imġieba kriminali simili. Dan issa se jinbidel bl-emendi.
Bugeja Said tenniet kif dawn l-emendi huma biss parti minn strateġija usa’, li permezz tagħhom qed jiġi rriformat is-settur tal-annimali.