B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, b’kofinanzjament minn fondi Ewropej, se jsir ir-restawr ta’ Villa Gwardamanġa. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Kultura, Owen Bonnici, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’. Din il-proprjetà, bejn l-1949 u l-1951, serviet bħala r-residenza uffiċjali tal-Prinċipessa Eliżabetta f’pajjiżna qabel laħqet ir-Reġina tar-Renju Unit.
Dan il-proġett hu parti minn 40 proġett differenti ta’ restawr u konservazzjoni.
Dr Bonnici ħabbar li proġett ieħor kbir, li se jkun qed isir minn Heritage Malta, hu dak tar-restawr tal-Main Guard, fi Pjazza San Ġorg, il-Belt Valletta, b’investiment ta’ €600,000.
Ħabbar ukoll il-proġett ta’ Villa Portelli, li se jinfetaħ f’fażijiet bejn din is-sena u s-sena d-dieħla, investiment ta’ madwar €800,000.
Hawnhekk hu semma numru ta’ restawr ta’ knejjes, postijiet storiċi u anke swar madwar il-pajjiż.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li f’Malta l-baġit għall-kultura se jiżdied, bil-kontra ta’ pajjiżi oħrajn madwarna.
Qal, “Se nkunu nistgħu nagħmlu issa l-proġetti l-maġġuri li jmiss. Lestejna r-restawr fil-Palazz tal-Granmastru, lestejna l-MICAS. Issa nistgħu niffokaw fuq il-proġett il-kbir li jmiss, li hu l-Culture and Arts Hub, b’investiment ta’ €15-il miljun minn fondi Ewropej fil-Marsa, fejn hemmhekk se nagħtu mhux biss lid-dilettanti tal-Karnival, imma artisti oħrajn, faċilitajiet importanti li se jsaħħu l-kreattività f’pajjiżna.”
Il-Ministru Bonnici spjega li, issa li ġew assigurati €15-il miljun minn fondi Ewropej, l-entità Festivals Malta se tkun qed toħroġ żewġ tenders fil-jiem li ġejjin biex jittellaq il-proġett li tant hu mistenni.