L-assoċjazzjoni tat-temping u outsourcing agencies, l-AFTA, li għadha kemm twaqqfet aktar kmieni dan ix-xahar, iddeskriviet il-Baġit 2025 bħala qabża sinifikanti lejn it-titjib tal-ħajja ta’ dawk kollha li huma residenti f’pajjiżna, waqt li jkompli jħeġġeġ favur policies li jsaħħu opportunitajiet ta’ xogħol ugwali, sostenibbiltà ta’ suq regolat ul-benesseri tal-ħaddiem.
Addizzjonalment laqgħet l-intenzjonijiet tal-Gvern biex jaġġorna l-ordnijiet tax-xogħol regolatorju u jżid l-urġenza biex dawn ir-riformi jirriflettu b’mod preċiż ir-realtà tas-suq tax-xogħol fil-ħajja tal-lum.
L-AFTA qalet, fi stqarrija, li qegħda żżomm mal-pożizzjoni b’saħħitha tagħha għall-bżonn ta’ regoli dwar l-importazzjoni ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.
Hi tenniet dwar l-importanza ta’ diskussjonijiet kollaborattivi ma’ stakeholders li huma relevanti u li dawn huma kruċjali biex jiġi assigurat li azzjonijiet iħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija lokali u ma jfixklux bla ħsieb l-ekonomija ċirkolari li tibbenefika mill-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema kollha f’Malta.
L-assoċjazzjoni kompliet li temmen fil-bżonn ta’ aktar integrità fost il-ħaddiema biex joperaw bi standards etiċi u ħeġġet lill-Gvern biex jevita li, mal-ħażin, jeħel it-tajjeb, waqt li jiżdiedu miżuri li jiffokaw biex iħeġġu l-aġenziji jinvestu f’taħriġ ħalli ma jintilfux ħaddiema li jkunu għadhom kemm waslu f’pajjiżna.