Fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard tnieda ktieb ġdid dwar ħajjet u l-legat tal-mibki eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici.
Il-ktieb, intitolat ‘Karmenu, il-verità, xejn inqas mill-verità’, jinkludi 24 rakkont minn awturi kontemporanji dwar ġrajjiet marbutin mal-ħajja pubblika ta’ Dr Mifsud Bonnici fis-snin sittin sal-aħħar xhur ta’ ħajtu.
Dawn ir-rakkonti jittrattaw l-attiviżmu, l-istudji tiegħu f’Londra, li wassluh għall-impenn trejdunjonistiku fi ħdan il-General Workers’ Union, l-impenn politiku fi ħdan il-Partit Laburista, is-snin li matulhom kien Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni, ir-rispett li kellu lejn Dom Mintoff, ir-relazzjoni tiegħu ma’ Eddie Fenech Adami, li kienu studenti tal-Liġi flimkien, l-involviment tiegħu fil-Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali, is-CNI, u fil-Front Maltin Inqumu, u l-ħidma tiegħu biex jiddefendi n-newtralità ta’ Malta.
Matul it-tnedija nqraw siltiet minn kitbiet ta’ Dr Mifsud Bonnici nnifsu, filwaqt li ġew interpretati wkoll siltiet mużikali fuq il-pjanu.
Din il-pubblikazzjoni ġdida mill-SKS se tibda tinbiegħ waqt il-Festival tal-Ktieb bil-prezz speċjali ta’ €20. Wara jkun jista’ jinxtara mill-ħwienet ewlenin tal-kotba għal €25.