Il-Partit Nazzjonalista nqabad fuq sieq waħda u żelaq fin-niexef dwar l-unika proposta li għamel qabel il-Budget 2025. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
L-istqarrija tgħid kif filwaqt li Bernard Grech ried lill-Gvern ma jintaxxax il-COLA u l-ħaddiema li jibbenefikaw minnha, issa ħareġ ċar li ma ħaseb bl-ebda mod fl-eluf ta’ ħaddiema li għandhom ftehim kollettiv, fosthom tas-settur pubbliku kollu, u għalhekk iż-żidiet ikunu koperti bil-ftehim u mhux bil-COLA mħabbra fil-budget.
Intqal kif lil dawn il-ħaddiema, Bernard Grech iridhom jibqgħu jiġu ntaxxati bis-sħiħ.
Il-PL qal kif b’kuntrast, il-Gvern ħabbar l-ikbar tnaqqis fit-taxxa li qatt ra pajjiżna u li minnu se jgawdu l-ħaddiema kollha b’mod ugwali u mingħajr ebda eċċezzjoni.
Kien il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li, waqt dibattitu televiżiv, żvela kif il-proposta tal-Partit Nazzjonalista tfisser biss li tinħoloq diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema f’pajjiżna fejn il-PL qal kif ir-risposta tax-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini tikkonferma.
L-istqarrija tgħid kif fost l-oħrajn Bencini qal li bħalissa qed jiffoka biss fuq il-ħaddiema li jieħdu l-COLA u għalhekk it-tnaqqis li jrid il-Partit Nazzjonalista ma japplikax għal min ma jirċivix il-COLA.
Intqal li x-Shadow Minister qal ukoll li “dan ma jfissirx li mhuma se jagħmlu xejn fuq il-ħaddiema li qegħdin fuq ftehim kollettiv” iżda lil dawk jista’ jindirizzawhom “qabel l-elezzjoni ġenerali”.
Il-PL qal li din l-ammissjoni turi biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista għaġġel biex jipproponi tnaqqis fit-taxxa għal settur ta’ ħaddiema u spiċċa jgħid lill-oħrajn kollha biex joqgħodu jistennew.
Il-PL temm billi qal li pajjiżna ma jixraqlux tmexxija bħal tal-Oppożizzjoni li ma tistax tafdaha bil-futur tiegħek. Pajjiżna jixraqlu biss tmexxija kredibbli u kapaċi.