Żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku lbieraħ.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tAL-4:15 pm, fi Triq Għar Dalam, iż-Żejtun. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Yamaha GPD, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 31 sena residenti Ħal Għaxaq, u Suzuki Swift li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 46 sena residenti Ħal Għaxaq ukoll.
It-tieni inċident ġara għall-ħabta tat-8:30 pm, fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Kirkop. Jirriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Suzuki GSX misjuq minn raġel ta’ 29 sena residenti l-Marsa u Toyota Vitz li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 34 sena residenti Ħal Kirkop.
Tim mediku assista fiż-żewġ inċidenti u ż-żewġ sewwieqa tal-muturi ttieħdu l-isptar b’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.