Żgħażagħ Laburisti jilqa’ l-miżuri mressqa mill-Gvern fil-preżentazzjoni tal-Baġit għas-sena 2025 u jinnota li dawn jixhdu pjan ċar ta’ Gvern b’viżjoni biex Malta tibqa’ miexja ‘l quddiem lejn pajjiż ta’ kwalità.
Fi stqarrija maħruġa mill-istess Żgħażagħ Laburisti, sostniet li dan il-Baġit mhux biss ma jintroduċix taxxi ġodda, iżda saħansitra jnaqqas it-taxxa tad-dħul, li jfisser iktar flus fil-but taċ-ċittadini.
ŻL innota kif l-inklużjoni tas-sostenn għall-first time buyers huwa sinjal ċar ta’ kemm il-viżjoni tal-Gvern hi li jieħu ħsieb li l-propjetà tibqa’ aċċessibbli billi ż-żgħażagħ jibqa’ jkollhom stabbiltà biex jibnu l-futur tagħhom.
L-istqarrija kompliet tispjega kif ŻL japprezza wkoll it-tneħħija tat-taxxa fuq prodotti sanitarji tan-nisa, magħrufa bħala “period tax”. Ninnutaw ukoll li s-sħubija b’xejn fil-gym għal sitt xhur għaż-żgħażagħ sal-età ta’ 20 sena hija miżura oħra li tappoġġja l-ħajja sana u t-tkabbir personali.
“ŻL jinnota wkoll kif il-Baġit tas-sena d-dieħla jagħti prijorità lil setturi kruċjali, b’miżuri mfassla biex isaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni, l-ambjent, it-trasport pubbliku, u s-saħħa mentali fost oħrajn”, kompliet l-istqarrija.
L-istqarrija f’isem Żgħażagħ Laburisti temmet tgħid li jinsab kunfidenti li dawn il-miżuri se jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, u għal futur aħjar u aktar b’saħħtu għal kulħadd.