Fl-ispazju miftuħ tal-ġnien ġdid biswit il-binja St Michael Hospice f’Santa Venera, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, tkellmu dwar il-proġetti li hemm għaddejjin bħalissa relatati ma’ spazji miftuħa, li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja għall-poplu inġenerali.
L-istess ġnien tas-St Michael Hospice se jkun qed jinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin, grazzi għal proġett imwettaq mill-Gvern, flimkien ma’ Hospice Malta, fejn inħoloq ġnien b’għan soċjali b’saħħtu.
Il-Ministru Dalli semmiet kif postijiet mitluqin qed tingħatalhom ħajja ġdida, bi spazji, li kienu konkos biss jew saħansitra miżbliet, qegħdin jinbidlu f’ġonna mill-isbaħ biex sal-aħħar tas-sena mal-40,000 metru kwadru ieħor ta’ spazji miftuħa se jkunu qed jingħataw lill-familji Maltin. B’hekk f’sentejn se jkunu ngħataw b’125,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ.
Fost dawn, il-Ministru tkellmet dwar l-importanza ta’ dawn il-proġetti li jkunu ta’ kwalità u maħsuba bi ħsieb, kif inhu l-każ fis-sit tal-Hospice Malta u, flok l-ispazju nbena f’nofs Santa Venera, il-ġnien il-ġdid, fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet bit-tema tal-Baġit 2025, se jkollu anke skop uman ħafna.
“Bi proġett bħal dan, qegħdin mhux biss nagħtu għajnuna lill-pazjenti, imma wkoll lill-qraba tagħhom, lill-familji, b’mod partikolari fejn ikollok it-tfal żgħar, li naf li dawk il-mumenti jibqgħu mmarkati f’ħajjithom u nixtiequ nagħtu l-parti tagħna biex dawk il-mumenti jibqgħu mumenti sbieħ.”
Ir-rappreżentanti tal-Gvern spjegaw kif diġà taw kelma ħalli kull komunità ikollha spazju miftuħ li ma jkunx iżjed bogħod minn għaxar minuti mir-residenzi.
Fost dawn issemmew proġetti f’Wied Inċita, Villa Portelli fil-Kalkara, Ġnien Spencer fil-Marsa, Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa, u oħrajn żgħar f’Ħal Luqa, f’Ħal Kirkop, f’Ħal Lija kif ukoll f’San Ġiljan.
Ingħad kif Project Green, waħedha, għaddejja b’ħidma fuq 118-il proġett b’investiment ta’ tliet mija u ħamsin miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li, issa l-iżvilupp ekonomiku jrid ikun b’sinerġija anke mall-kunsilli lokali.
Semma wkoll kif, bi qbil mal-Università, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jikseb iżjed għarfien biex joffri iżjed spazji komdi għall-komunità, b’disinji aħjar u aktar soċjali.
Dan l-istess dipartiment attwalment għandu skedati 15-il proġett fil-komunitajiet, b’investiment ta’ €22 miljun, b’35,000 metru kwadru li se jinbidlu fi spazji miftuħa.
“Inħares ’il quddiem biex bħala Public Works, flimkien ma’ Project Green, inkomplu nwettqu diversi proġetti b’risq il-kunsilli lokali tagħna, b’risq il-komunitajiet tagħna, b’risq il-familji Maltin u Għawdxin. Dan kien baġit ieħor soċjali, li se jkompli jwieġeb u jwieżen liż-żgħir, lill-familji tagħna, biex il-futur ta’ pajjiżna jkompli jkun wieħed ta’ suċċess.”