Il-weightlifter Tenishia Thornton hija ċ-champion tal-Ewropa Juniors, hekk kif it-Tlieta wara nofs-in nhar rebħet il-kategorija tagħha waqt il-Kampjonati Juniors tal-Ewropa fVarsavja, l-Polonja.
Hija bdiet tajjeb l-Snatch b’refa’ impressjonanti ta’ 86kg. Hija tilfet bi ftit it-tieni refa’ ta’ 89kg. Iżda malajr irreagixxiet biex għamlet ir-refa’ ta’ 89kg fit-tielet tentattiv.
Hija kienet f’battalja ma’ avversarji mit-Turkija u l-Italja.
Fil-Clean and Jerk, Thornton bdiet b’107kg. Hija ma rnexxiliex it-tieni refa’ ta’ 110kg, kuntrarju għal-lifter mir-Rumanija li rnexxielha tagħmel 111kg.
Hawnhekk il-maltija niżlet momentarjament fir-raba’ post u kellha bżonn refa’ tajba għall-podium. Minkejja l-pressjoni, Thornton irnexxielha tagħmel refa’ spettakolari ta’ 112kg fit-tielet tentattiv li mhux biss fissret midalja tad-deheb iżda anke rekord nazzjonali ġdid.
Hija b’hekk tellgħet total ta’ 201kg, bi Spanja t-tieni u r-Rumanija t-tielet.
Il-parteċipazzjoni ta’ Tenishia Thornton kienet grazzi għall-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.