L-għada tal-Baġit 2025, li għandu t-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, il-gazzetti kienu prattikament kollha kelma waħda, iqisuh bħala eżerċizzju qawwi soċjali favur il-ħaddiema u l-klassi medja f’pajjiżna.
Fuq il-faċċata tagħha, il-MaltaToday, taħt it-titlu “A nod to the hardworking middle class”, issemmi l-ħemel ta’ miżuri elenkati fid-diskors tal-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana.
Fost dawn jiġu mfaħħrin it-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema kollha, iż-żieda fiċ-Children’s Allowance u ż-żieda fil-pensjonijiet, fost oħrajn.
L-editorjal tal-gazzetta jsostni li l-middle class tista’ tħares b’ottimiżmu lejn il-Baġit 2025. Dan hekk kif il-ħaddiema se jiffrankaw mijiet ta’ ewro f’taxxa bit-twessigħ tal-faxex kollha fl-Income Tax.
Il-gazzetta Times of Malta, bit-titlu “Budget boost for workers”, ittenni kif il-ħaddiema u l-koppji s-sena d-dieħla mistennija jiffrankaw bejn tliet mija, ħamsa u erbgħin ewro u elf, tliet mija u ħamsin ewro. Intqal ukoll kif madwar 18,000 ħaddiema mhux se jħallsu taxxa fuq id-dħul tagħhom mix-xogħol.
Fil-paġni ta’ ġewwa, l-istess gazzetta tispjega fid-dettall ir-rati tat-taxxi l-ġodda, bil-miżura mħabbra mill-Ministru għall-Finanzi, waqt li fi storja oħra, it-Times tirrapporta u tikkwota lill-Ministru Caruana kif it-tkabbir b’saħħtu f’pajjiżna qed jippermetti li jkun hemm qtugħ bla preċedent fit-taxxi.
Il-Malta Independent fil-paġna ewlenija ġġorr it-titlu “A move from quantity to quality”, ibbażat fuq il-messaġġ ewlieni li l-miżuri mħabbrin jimmiraw favur il-kwalità fuq il-kwantità, kif kien ċentrali wkoll fid-diskors moqri t-Tnejn filgħaxija.
Il-gazzetta L-Orizzont sostniet fil-paġna ewlenija tagħha li dan hu baġit ieħor b’ruħ soċjali. Semmiet ħemel ta’ miżuri mħabbrin fil-baġit għas-sena d-dieħla, fosthom it-tnaqqis sinifikanti fit-taxxa tad-dħul, iż-żieda fl-investiment kapitali u rikurrenti fis-settur tas-saħħa, inizjattivi ġodda fis-saħħa mentali u proġetti ġodda ta’ tħaddir urban.
L-editorjal tal-gazzetta jsostni li l-baġit hu maħsub għar-realtajiet tal-lum, hekk kif qed jiġu mgħejjuna l-faxex kollha tas-soċjetà lejn kwalità ta’ ħajja aħjar.
Kif mistenni, l-unika gazzetta mifnija fin-negattività u l-medjokrità kienet dik tal-Partit Nazzjonalista, In-Nazzjon, li fuq il-faċċata rrapportat biss x’qal il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, wara li d-diskors tal-baġit u ma ssemmi l-ebda miżura minn ruxmata li se jolqtu b’mod pożittiv lill-familji u lill-ħaddiema f’pajjiżna.