L-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN, stqarret li l-Baġit 2025 hu wieħed pożittiv li minnu se jgawdu b’mod sħiħ iċ-ċittadini kollha f’pajjiżna.
Waqt li analizzat il-miżuri mħabbrin mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana t-Tnejn minn żewġ aspetti importanti, dawk tal-ħaddiema u tal-pazjenti, l-MUMN laqgħet ir-reviżjoni tal-faxex tat-taxxa li se tħalli impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-infieq ta’ kull min qiegħed fl-impjieg, waqt li laqgħet ukoll il-miżuri soċjali li jaffettwaw l-aktar vulnerabbli biex ħadd ma jilħaq il-livell tal-faqar.
Dwar is-saħħa, l-unjin qalet li hu mill-aktar importanti wkoll li se jiġu aġġornati faċilitajiet tas-saħħa, inkluż l-infrastruttura, bħall-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, waqt li rreferiet għall-miżura ta’ sitt xhur gym b’xejn għal żgħażagħ ta’ bejn is-17 u d-19-il sena, li se twassal għal pajjiż aktar b’saħħtu u allura b’inqas nies ikollhom bżonn il-kura medika.