Festivals Malta ħabbret is-16-il kanzunetta li ser ikunu qed jipparteċipaw fil-finali tal-ħames edizzjoni tal-festival Mużika Mużika li se jsir f’Marzu li ġej.
Wara li f’nofs Ottubru kienu tħabbru t-30 kanzunetta magħżula mis-sottomissjonijiet, dawn ġew interpretati live akkumpanjati minn backing track quddiem ġurija li fil-preżenza tan-Nutar tal-Gvern għażlu liema kienu s-sittax li se jikkompetu fi-serata finali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, sostna li bħall kull sena r-rispons kien pożittiv b’sottomissjonijiet ta’ livell għoli u jinsab ħerqan biex jara l-kanzunetti jieħdu l-ħajja fuq il-palk. Kompla billi qal li dan huwa festival importanti għal-lingwa tagħna u kien ċert li din l-edizzjoni se tkun oħra ta’ suċċess.
Issa tiskatta l-fażi tal-produzzjoni fejn jibda x-xogħol fuq l-arranġamenti mużikali filwaqt li jiżdiedu l-preparamenti loġistiċi għall-festival li se jsir bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu 2025.
Is-sittax-il kanzunetta f’ordni alfabetika skont it-titlu huma dawn:
Aħjar (Lisa Gauci)
Festa (Hannah Theuma)
Fuq! (MARA)
Ġenna Fl-Art (Cliff Zammit Stevens)
Għadna Ngħoddu (Daniel Cauchi)
Għatxan (Marilyn Aquilina)
Ħsibijiet (Kapitlu Tlettax u Ema Vella)
Int Kollox Għalija (Kersten Graham)
L-Imħabba Verità (Jasmine Abela)
Mill-Qalb (Gaia)
Perfett (Pamela Bezzina)
Stajna Konna Aħna (Jamie Cardona)
Stennieni Ġej (Janvil ft. Garison)
Supereroj (Claudia Faniello)
Tagħna t-Tnejn (Ryan Hili)
Tiegħek Jien (Brooke)