Għall-għaxar sena konsekuttiva, il-Gvern se jżid lill-pensjonanti bi €8 fil-ġimgħa jew €416 fis-sena, li tinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Minn din iż-żieda se jibbenefikaw aktar minn 100,000 pensjonant tal-irtirar, tal-invalidità u romol, kif ukoll oħrajn intitolati għal pensjoni tal-età.
B’pensjonanti li twieldu qabel l-1962 se jkollhom aġġustament ieħor fil-pensjoni tagħhom biex tindirizza l-inġustizzja, li ġabet ir-riforma tal-2006. Minn dan l-aġġustament se jgawdu 26,000 pensjonant.
Intqal li se jkompli t-titjib fl-eżenzjonijiet mit-taxxa li japplikaw mill-età ta’ 61 sena ’l quddiem għall-pensjonanti.
Filwaqt li pensjonanti romol mhux qed iħallsu taxxa b’miżura li daħlet din is-sena, mas-7,500, fil-maġġoranza nisa, se jgawdu minn żieda medja ta’ €3 fil-ġimgħa, apparti ż-żieda ġenerali ta’ €8 fil-ġimgħa. Din hi r-raba’ sena konsekuttiva u fi proċess li se jibqa’ għaddej sal-2027. B’dan se jwassal biex sal-2027, il-pensjonanti romol kollha se jirċievu l-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom, kieku baqgħu ħajjin.
Dan filwaqt li se jkun hemm dħul aktar għall-pensjonanti tas-servizz u bonus akbar għal min ma jikkwalifikax għal pensjoni.