Iż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali se twassal ukoll għal żieda fl-Assistenza għal Persuni b’Diżabilità u l-Carers.
L-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa se tiżdied b’€7.42ċ, għal €199.61ċ fil-ġimgħa.
L-Assistenza għal Diżabilità Severa se tiżdied bi €3.49ċ għal €128.15ċ fil-ġimgħa, waqt li l-Assistenza għal Diżabilità wkoll se tiżdied bi €3.49ċ għal €102.62ċ fil-ġimgħa.
L-Assistenza Miżjuda għal Carers se tiżdied b’€5.24ċ, jiġifieri se titla’ għal €179.02ċ fil-ġimgħa.
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar ukoll li l-Assistenza għal Carers se tiżdied b’€5.24ċ u b’hekk din se titla’ għal €125.92ċ fil-ġimgħa.
Se tiddaħħal ukoll miżura ġdida fejn persuni, li jkunu qed jieħdu ħsieb waħedhom żewġ membri tal-familja b’dipendenza għolja jew medja, u li sal-lum huma intitolati biss għal rata waħda, issa se jieħdu darba u nofs ir-rata preżenti tal-benefiċċju li jkunu intitolati għalih.
Se jerġa’ jogħla wkoll il-Carers’ Grant, li hu ekwivalenti għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta.
Biż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, tkun dik ta’ €8.24ċ, din l-għotja se titla’ b’€193 oħra, biex tlaħħaq l-€5,190 fis-sena.
Dan il-grant se jibda jingħata wkoll lil ġenituri li ma jaħdmux, u li għandhom tfal taħt is-16-il sena, b’diżabilità severa u li, b’hekk, jirrikjedu l-attenzjoni kontinwa tal-ġenitur. L-evalwazzjoni medika ssir minn bord ta’ professjonisti.
Dawk li se jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju, se jkunu koperti bil-kontribuzzjonijiet akkreditati, skont l-istess prinċipji li jintużaw fil-krediti mogħtija lil min ikun qed jieħu l-Assistenzi għal Carers. B’hekk dawn ikun jista’ jkollhom pensjoni fil-futur.