Fis-sena 2025, se tkun qed tingħalaq l-iskema għal eks membri tal-korpi li wara sabu impjieg fis-Settur Pubbliku.
Se tibqa’ fis-seħħ ukoll l-iskema għal dawk li kienu daħlu fis-Servizz Pubbliku wara l-15 ta’ Jannar tal-1979 biex jitħallsu numru ta’ eks-apprendisti u studenti-ħaddiema li kienu bdew il-korsijiet tagħhom qabel dik id-data.
L-iskema qed tinżamm miftuħa minħabba l-età ta’ dawn il-persuni, li għadhom fl-impjieg, biex jitħallsu meta jilħqu l-età tal-irtirar.
Se jibdew jingħataw ukoll il-pagamenti bħala kumpens taħt tliet skemi oħrajn għal:
- eks ħaddiema tat-Telemalta ingaġġati bejn Jannar tal-1978 u l-15 ta’ Jannar tal-1979, li minħabba tibdil fil-politika tal-Korporazzjoni naqsu milli jikkwalifikaw għal skema ta’ pensjoni simili għal dik li kien hemm fis-seħħ sal-bidu tal-1979 għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku;
- eks ħaddiema tal-Malta Drydocks u tal-Malta Shipbuilding, li b’mod arbitrarju, fl-2003, kienu ġew trasferiti mal-Industrial Projects and Services Ltd, b’telf fid-dħul tagħhom; u
- eks ħaddiema tal-Gas Board, li kienu ġew assimilati mal-Korporazzjoni Enemalta.
Fl-istess waqt, il-Gvern, laqa’ appell li sar f’sentenza, f’kawża fil-Qorti Kostituzzjonali mressaq minn grupp ta’ eks ħaddiema tal-International Aeradio Limited, li fis-snin 70 kienu impenjati fit-tħaddim tas-servizz tal-ajru taħt il-kappa tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili.
Filwaqt li t-talba li ressqu ma ntlaqgħetx, il-Qorti rrakkomandat biex, fid-dawl tas-servizz li taw lill-pajjiż fi żminijiet diffiċli, jinstab mezz biex is-servizz tagħhom jiġi rikonoxxut.
B’hekk se tingħata għotja ta’ darba lil dawn il-ħaddiema jew l-eredi tagħhom, skont l-istess termini tal-iskema għal persuni li kienu fil-korpi u wara daħlu jaħdmu fid-dipartimenti tal-Gvern.
Minn dawn l-iskemi se jibbenefikaw 2,600 persuna.