Is-settur tal-volontarjat se jkun qed jissaħħaħ. Dan, fost l-oħrajn, permezz tal-allokazzjoni ta’ kważi €25 miljun għal aktar minn 50 Public Social Partnerships li l-Gvern għandu ma’ diversi għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam soċjali.
Dan l-ammont ma jinkludix skemi oħrajn ta’ għajnuna għall-għaqdiet volontarji.
Se jkunu qed jiżdiedu wkoll spazji, faċilitajiet u opportunitajiet ta’ riċerka. Dan minbarra ċentru one-stop-shop fin-Nofsinhar ta’ Malta, li se jservi bħala l-ewwel ċentru ta’ taħriġ, riżorsi u riċerka għas-settur tal-volontarjat.
Se jkun varat il-kunċett ta’ bank tal-volontarjat biex dawk li jixtiequ jagħtu ammont ta’ sigħat mill-ħin tagħhom għall-volontarjat, inkluż professjonisti, jistgħu jingħaqdu f’dan il-proġett nazzjonali biex b’hekk se jgħaqqad dawn is-servizzi f’database ċentralizzata.
Fl-istess ħin, se jiġu ppremjati l-intrapriżi, li jagħtu donazzjonijiet lill-għaqdiet volontarji soċjali, ambjentali u dawk tal-ħarsien tal-annimali, bi kreditu ta’ taxxa sa massimu ta’ €500.