It-Tnejn filgħodu beda l-Global Innovation Forum, li qed jittella’ f’pajjiżna, b’diversi ministri u delegati minn pajjiżi fid-dinja jinsabu fostna.
L-edizzjoni ta’ din is-sena għandha t-tema ‘Shaping our Digital Futures for Prosperity and Well-Being for All’ u se sservi bħala pjattaforma għat-taqsim tal-għarfien u l-aħjar prattiċi, in-netwerking u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni diġitali u l-intraprenditorija fid-dinja.
Dan il-forum hu organizzat mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni fi ħdan il-Ġnus Magħquda, waqt li qed jiġi ospitat minn Malta permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi.
Il-ftuħ uffiċjali tal-forum, li tmexxa mill-Uffiċjal Għoli tal-Malta Digital Innovation Authority, Gavril Flores, ġie indirizzat ukoll mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, flimkien mal-Ministru Silvio Schembri u d-Direttur dwar it-Telekomunikazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali, Dr Cosmas Luckyson Zavazava.
Dr Cosmas Luckyson Zavazava qal li d-dinja kellha taddatta għall-aħjar użu tat-teknoloġija, b’diversi sfidi li jqumu minn żmien għall-ieħor.
“This forum is what we attempt to bridge what we call innovation gap among countries, among the international communities and make sure that everybody gets an opportunity to be connected and ready to use information and communication technology to accelarate the pace towards the SDGs by 2030.”
DR COSMAS LUCKYSON ZAVAZAVA
Il-Ministru Schembri spjega li din l-istituzzjoni Internazzjonali għandha ’l fuq minn mija u disgħin stat membru u, allura, meta jkollok dawn il-pajjiżi kollha jaqblu li dan jittella’ f’pajjiżna, jirrikonoxxu l-avvanz li twettaq fostna fl-innovazzjoni.
Qal kif anke jħossu kburi u anke jħares ’il quddiem biex dak kollu li sar minn pajjiżna jkun espost ma’ dawn il-pajjiżi kollha.
“Hu wkoll żmien propizju mhux biss li twettaq issa f’pajjiżna fl-’Innovation Month’, fejn f’dan ix-xahar rajna ħafna fuq l-innovazzjoni f’pajjiżna, iżda wkoll fiż-żmien meta bħala Gvern, nidejna l-proċess li għandu jwassal għal ‘Viżjoni Malta 2050’, li hemmhekk wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ din il-viżjoni trid tkun d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni biex naraw kif intejbu l-effiċjenza, kif innaqqsu l-burokrazija, kif fl-aħħar mill-aħħar naraw li l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin titjieb.”
SILVIO SCHEMBRI