Illum waranofsinhar, Marvin Tabone, ħaddiem mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u li joqgħod l-Imqabba, ġie mressaq il-qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Bonello mixli bit-theddid ta’ bombi fuq il-vapuri tal-Gozo Channel nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda.
Huwa wieġeb mhux ħati ta’ l-akkużi miġjuba kontrih.
Fl-awla ġie spjegat li Tabone kien arrestat ftit wara li ħareġ mill-ikla tal-ġriżma ta’ ibnu u waqt tfittxija l-pulizija sabu l-kaxxa tal-mobile li allegatament intuża biex saru t-telefonati.
Filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tal-każ li ħoloq kaos sħiħ bejn iż-żewġ gżejjer u saħansitra bosta turisti tilfu l-vjaġġ tagħhom mill-ajruport u persuni fuq trattament tal-kimoterapija tħallew ħin twil jistennew fit-traffiku.
Id-difiża rribattiet li ma kien hemm l-ebda prova li torbot l-akkużat mat-telefonati.
Il-Maġistrat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €3000 u depożitu ta’ €3000 filwaqt li jrid jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa l-għassa taż-Żurrieq.