Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jirribatti kompletament l-akkuża infondata tal-Partit Nazzjonalista, li l-emendi ta’ varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità dgħajfu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Dan intqal fi stqarrija b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li talbet għar-riżenji wara l-aħħar żviluppi fil-każ ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Mingħajr ma jidħol fil-mertu ta’ ebda każ partikolari, anke b’rispett lejn l-ordni ta’ projbizzjoni li għamlet il-Qorti fuq il-każ ċitat fl-istess stqarrija tal-Oppożizzjoni, il-Ministeru jrid jiċċara li wara l-emendi ta’ varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità, l-istituzzjonijiet għandhom fakultà jiddikjaraw kemm huwa r-rikavat mill-kriminalità b’tali li jidħol fis-seħħ jew jinżamm fis-seħħ ordni ta’ qbid u friżar. Dan il-proċess isir fil-qrati u finalment tkun il-Qorti li tiddeċiedi abbażi tal-provi preżentati.” kompla jgħid il-Ministeru.
Il-Ministeru jtenni li dawn l-emendi fil-liġijiet saru biex tintlaħaq aktar proporzjonalità fl-ordnijiet ta’ Sekwestru, Iffriżar u Konfiska u dan skont kriterji stabbiliti fis-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Qrati Maltin kienu ilhom jirreferu għalihom.