Marsaskala Legends telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal League wara li għelbu lill-Universita’ ta’ Malta 5-4. Kienet logħba ferm drammatika fejn wara li sabu ruħhom minn taħt, l-Iskalin wettqu reazzjoni sa ma’ ħadu tliet punti li jiswewlhom mitqlu deheb. Owen Duca, Cristian Fernandez, Amir Ashtiyani, Dale Valletta u Sean Parnis skorjaw għal Marsaskala bl-Universitarji li rrispondew b’gowls ta’ Zvezdan Vukovic, Mohamed Elamari u Anthony Luke Portelli b’Bertram Azzopardi li wettaq awtogowl. Referees kienu Stephen Vella u Marco La Rosa.
Ta’ Xbiex Futsal telgħu għal sitt punti fil-klassifika wara li għelbu lil Ħamrun SC 5-3. Wara li sabu ruħhom 2-1 minn taħt, it-tim minn Ta’ Xbiex irreaġixxa tajjeb u wara t-tieni taqsima perfetta huma ħadu t-tliet punti finali. Bernardo Rosa kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu meta skorja doppjetta filwaqt li Juan Bautista Conde, Giancarlo Sammut, Juan Poveda komplew iżidu l-iskor għat-tim tagħhom. Ħamrun skorjaw permezz ta’ Collin Sammut, Hamza Harrat u Graham Garcia Espinosa. Referees kienu Andrea Naudi u Stephen Vella.
Swieqi United ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt is-17-il sena 12-0. Marcelo Alarcon skorja erba’ gowls, Rodrigo Rocha u Karl Luke Schembri kienu awturi ta’ tripletta kull wieħed b’Roller Santiago u Dylan Pace jgħaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Referees kienu Andrea Naudi u Marco La Rosa.
Waslet l-ewwel rebħa tas-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena wara li għelbu lil GZR Birżebbuġa St Peter’s 6-4. Iż-żgħażagħ Maltin dawru r-riżultat favur tagħhom wara li sa tmiem l-ewwel taqsima kienu qed jitilfu 3-0. Minkejja kollox, huma baqgħu kalmi sabiex skorjaw il-gowls l-aktar importanti għalihom. Neil Gauci u Aidan Buhagiar skorjaw doppjetta kull wieħed b’Essien Borg u Anson Fenech li skorjaw gowl kull wieħed. Għal Birżebbuġa Camilo Diaz skorja doppjetta b’Ciprian Socaciu u Clayton Micallef li wkoll sabu x-xibka. Referees kienu Danilo Francalanza u Margretus Van der Wal.
KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE – Marsaskala Legends 9, Luxol St Andrew’s, Swieqi United, University of Malta, Ta’ Xbiex 6, Selezzjoni Maltija U19 3, Ħamrun SC NCMB, Gżr Birżebbuġa St Peter’s Futsal, Selezzjoni Maltija U17 0
Ritratt: Terry Caselli