Fr Hilary Tagliaferro illum jagħlaq l-eta’ sabiħa ta’ 90 sena.
Apparti r-rispett li jgawdi bħala reliġjuż, Fr Hilary huwa meqjus ukoll bħala ikona tal-ġurnaliżmu sportiv f’Malta. Fl-1970 kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sports, illum magħrufa bħala l-Għaqda Ġurnalisti Sports u kellu karriera twila bħala xandar mal-istazzjoni nazzjonai.
Huwa beda bħala kittieb fil-ġurnal ‘Il-Haddiem’ u ‘Il-Hajja’. Fl-1970 kien akkreditat sabiex jirraporta it-Tazza tad-Dinja tal-Messiku. Waqt dawn il-kampjonati beda jagħmel kollegamenti għall-istazzjon nazzjonali. Dak kien il-bidu ta’ karriera twila 20 sena ma’ Xandir Malta.
Iżda Fr Hilary jibqa’ magħruf ukoll għall-fatt li waqqaf l-ewwel skejjel tal-futbol għat-tfal, li kienu l-pedament tan-nurseries tal-lum. Serva bħala president tal-Youth Sector fi ħdan l-MFA għal 39 sena sħaħ.
Kellu wkoll karriera bħala kowċ, fosthom ma’ Hibernians FC.
Bħala reliġjuż ta’ nota t-twaqqif tal-Millenium Chapel f’Paceville.
Il-ġurnalisti sportivi kollha ta’ ONE jawguraw l-isbaħ xewqat lil Fr Hilary Tagliaferro f’din il-ġurnata speċjali.