L-istazzjon ONE u one.com.mt se jkunu qed iżommu lill-pubbliku informat dwar dak kollu mħabbar fil-Baġit 2025.
Fl-4:30 ta’ waranofsinhar se tixxandar edizzjoni speċjali tal-programm ‘Bil-Fatti’, ippreżentat minn Claudia Cuschieri u Dorian Cassar. F’dan il-programm se jkun diskuss dwar x’inhu mistenni mill-baġit għas-sena d-dieħla, waqt li se jkun hemm ukoll kollegamenti diretti mill-Belt Valletta.
Dan il-programm se jibqa’ għaddej għal madwar sagħtejn, hekk kif fis-6:30 ta’ filgħaxija, l-istazzjon ONE jingħaqad f’xandira diretta mal-Parlament, waqt li l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana jaqra d-diskors tant mistenni.
Wara d-diskors tal-Baġit, isegwi bulettin tal-aħbarijiet, li matulu jingħaqad mal-konferenza tal-aħbarijiet, li tiġi indirizzata, fost oħrajn, mill-Prim Ministru Robert Abela.
Wara ONE News, imbagħad, se jixxandar programm speċjali ppreżentat minn Janice Bartolo. Hawnhekk issir analiżi tal-miżuri li jkunu tħabbru mill-Baġit 2025 u anke tad-diskorsi fil-konferenza tal-aħbarijiet.
Dan minbarra li ONE News se jaġġorna, b’mod kontinwu, is-sit tiegħu – one.com.mt – u l-paġni soċjali tiegħu bl-aħħar aħbarijiet mill-Baġit.