Fl-attività tal-Ħadd filgħodu fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar żewġ dokumenti importanti li se jikkomunikaw il-viżjoni fit-tul tal-Gvern għal pajjiżna.
Qal, “Kull settur li mhux biss se jkollna dik il-viżjoni speċifika għalih ta’ fejn irridu nkunu l-ewwel fl-2035 għax hemm mira intermedjarja imma imbagħad ukoll fl-2050, viżjoni speċifika għal kull settur imma imbagħad kif b’mod ħolistiku kull settur jgħaqqad ma’ ieħor. Se tkun biċċa xogħol li dan il-pajjiż qatt ma għamel qabel.”
Imbagħad il-Prim Ministru dawwar ħarstu fuq it-tieni dokument li se janalizza s-suq tax-xogħol f’pajjiżna filwaqt li jindirizza l-isifdi marbuta mat-tkabbir ekonomiku.
Qal, “Din il-Labour Migration Policy se tkun qed tagħmel mhux biss dan l-istudju imma wieħed aktar ħolistiku li tara partikolarment is-settur tax-xogħol fejn jikkonċerna l-ħaddiema barranin, regolamentazzjoni stretta, jidħol biss f’dan il-pajjiż min verament l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż teħtieġu.”
Dr Abela rreaġixxa wkoll għal rapporti fil-midja rigward ftehim kollettiv storiku għal tlieta u tletin elf ħaddiem tas-settur pubbliku.
Qal, “Ftehim kollettiv b’saħħtu għall-ħaddiema tas-settur pubbliku li se jkun qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tagħhom u dan żieda ma’ dak li kull settur separat se jkun qed jibbenefika minnu bil-ftehim kollettiv b’żieda ma’ dak li diġà ħadu settorjalment iġifieri nsemmi l-infermiera, l-edukaturi, u l-pulizija biex nagħti tlieta mill-kategoriji li diġà kellhom ftehim kollettiv illi bbenefikaw minnu bis-saħħa kull wieħed minn dawn is-setturi u hemm diversi oħrajn. B’dan il-ftehim kollettiv li jolqot liċ-ċivil kollu li se nkunu qed niffirmaw fil-ġimgħat li ġejjin jerġgħu jibbenefikaw għat-tieni darba. Dak huwa eżempju ewlieni ta’ kif l-ekonomija tagħna u l-ġid li qed tiġġenera nitrasformawh f’ġid komuni u ġid li jista’ jibbenefika minnu kulħadd.”