Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-ewwel Festival tal-Ideat ta’ Malta. Dan il-festival, li t-tema tiegħu hija t-tibdil fil-klima, se jinkludi diskussjonijiet f’panels minn esperti mistiedna kemm lokali kif ukoll internazzjonali, artisti performattivi, workshops, wirjiet, qari u rappreżentazzjonijiet minn KorMalta, ŻfinMalta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Il-festival se jittella’ mis-6 sad-9 ta’ Novembru 2024.
Dan il-festival, li qed jitmexxa mid-Direttur tad-Direttorat tal-Kultura, Aleksander Farrugia, u d-Direttur Artistiku, Karl Fiorini, għandu l-għan li jispira lis-soċjetà permezz tal-ideat, il-kreattività u l-edukazzjoni biex flimkien jindirizzaw l-isfida urġenti tat-tibdil fil-klima.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, esprima l-entużjażmu tiegħu għall-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival. “Dan il-festival mhuwiex biss spazju fejn niddiskutu kwistjonijiet urġenti bħat-tibdil fil-klima, iżda huwa wkoll pjattaforma fejn il-komunità kollha tista’ tikkontribwixxi b’ideat konkreti li jistgħu jkunu l-bidu ta’ soluzzjonijiet fit-tul. Huwa pass importanti biex ngħaqqdu flimkien il-kreattività u l-innovazzjoni b’viżjoni komuni, għal Malta aktar sostenibbli u reżiljenti għall-futur”.
Id-Direttur Aleksander Farrugia qal, “Quddiemna għandna diversi sfidi kemm nazzjonali u oħrajn li huma globali. Biex negħlbu dawn l-isfidi neħtieġu qabel kollox li jkollna ideat; ideat ġodda, kreattivi, li jibdlu l-mod kif inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna, lejn kif nifformulaw ir-risposti ta’ għada għall-isfidi tal-lum, u li jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda li jkunu strateġiċi u li jħallu impatt dejjiemi.”
Huwa kompla li permezz ta’ dan il-festival se jġibu flimkien lill-esperti, lill-pubbliku, lill-artisti, u lill-attivisti, biex flimkien – permezz ta’ workshops, round-tables, lectures u azzjoni artistika, jiġġeneraw dibattitu li jwassal għal ideat ġodda – l-ideat ta’ għada.